Cospicua Rangers rebħu l-Federation Cup tal-Blackball meta fil-finali għelbu lil Ħamrun 147 A 13-10. Din kienet logħba li laqqgħet l-aqwa żewġ timijiet fil-Blackball lokali fejn kienu qed jiltaqgħu għat-tieni darba fi ftit jiem wara li Ħamrun 147 A rebħu l-kampjonat b’rebħa fuq l-istess Bormliżi.
L-ewwel parti tal-logħba kienet f’idejn Ħamrun 147 A li ħin minnhom kienu 7-4 minn fuq. Minkejja kollox, il-Bormliżi kienu paċenzjużi u rnexxielhom idawu l-iskor favurihom.
Kien Johan Attard li daħħal il-boċċa rebbieħa sabiex sħabu setgħu jiċċelebraw dan is-suċċess.
Ħamrun kienu magħmula minn Clayton Castaldi, Gary Carr, Stephen Mangion, Dejan Grech, Leon Camilleri u Philip Coleiro filwaqt li Cospicua Rangers kellhom lil Johan Attard, Ryan Pisani, Clayton Attard, Clint Grima u Kevin Schembri.
Din kienet ukoll l-aħħar logħba tal-istaġun li kien wieħed ferm intensiv għall-Malta Blackball Federation.