Il-Ġappun iddeċieda li jintroduċi miżura temporanja u jimpedixxi lil ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn milli jidħlu fil-pajjiż, bl-eċċezzjoni ta’ persuni b’nazzjonalità Ġappuniża u barranin b’visas bi żmien ta’ skadenza fit-tul li jirrisjedu fil-Ġappun.
Stqarrija maħruġa mill-Gvern Ġappuniż kienet tgħid li r-restrizzjonijiet qed jiġu introdotti bħala miżura preventiva inkonnessjoni mal-iskoperta tal-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li nstab f’numru ta’ pajjiżi. Il-miżuri se jkunu qed jidħlu b’effett minn nhar it-Tnejn 28 ta’ Diċembru u se jibqgħu fis-seħħ sal-aħħar ta’ Jannar tal-2021.
Eżenzjonijiet għal residenti Ġappuniżi biex jagħmlu vjaġġi għal perjodu qasir għal raġunijiet ta’ negozju wkoll qed jiġu kkanċellati. S’issa huma ma kinux qed jintalbu biex jagħmlu ġimagħtejn fi kwarantina. Madankollu din ir-regola se terġa’ tibda tapplika minn nhar it-Tnejn li ġej.
Aktar minn hekk l-istqarrija żiedet tgħid li residenti Ġappuniżi li jkunu qed jirritornaw lura minn pajjiżi b’varjant ġdid tal-virus se jkollhom jippreżentaw dokument li jikkonferma li huma negattivi għall-coronavirus sabiex jitħallew jidħlu fil-pajjiż. Huma għandhom jagħmlu t-test sa mhux aktar tard minn tlett ijiem qabel il-wasla tagħhom fil-pajjiż.