Matul l-aħħar sena, il-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar il-pandemija tal-COVID-19 (COVI) analizza l-impatt tal-kriżi, evalwa l-effettività tal-miżuri tal-UE u dawk nazzjonali u għamel rakkomdazzjonijiet speċifiċi biex jindirizza l-lakuni u d-dgħufijiet fl-azzjonijiet tagħhom. Il-Parlament iddiskuta r-rapport nhar it-Tlieta u adotta t-test nhar l-Erbgħa b’385 vot favur, 193 vot kontra u 63 astensjonijiet.
Il-MPE ppreżentaw pjan direzzjonali ċar għal azzjoni futura f’erba’ oqsma ewlenin: is-saħħa, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali, l-aspetti soċjali u ekonomiċi, u r-rispons dinji għall-pandemija.
Il-proposti ewlenin jinkludu t-titjib tal-awtonomija strateġika tal-UE fir-rigward tal-mediċini, it-trasparenza għall-attivitajiet ta’ akkwist konġunt, u sorveljanza parlamentari kemm fuq il-livell tal-UE kif ukoll fuq il-livell nazzjonali għal-leġiżlazzjoni ta’ emerġenza. Il-MPE jitolbu wkoll lill-UE timmassimizza l-użu ta’ finanzjamenti ta’ rkupru biex issaħħaħ is-suq uniku, u jixtiequ koordinazzjoni globali mtejba permezz tat-Trattat Internazzjonali dwar il-Pandemiji li mistenni jiġi adottat.