Saturday, November 15, 2025

CRIHM rikonoxxut bħala European Cancer Mission Hub – Tnedija ta’ proġetti u opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament mill-UE

Aqra wkoll

Waqt id-diskors tiegħu fil-ħames edizzjoni ta’ MedTech World Malta, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Keith Azzopardi Tanti enfasizza r-rwol dejjem jikber ta’ Malta bħala pjattaforma globali għall-innovazzjoni fil-qasam tal-kura tas-saħħa. Huwa saħaq fuq l-impenn tal-pajjiż li jkompli jsaħħaħ kollaborazzjonijiet bejn il-Gvern, l-akkademja u l-industrija—ekosistema li kapaċi tittrasforma ideat ta’ riċerka f’soluzzjonijiet mediċi f’ħin qasir. F’dan il-kuntest, saret ukoll l-aħbar nazzjonali importanti li ġiet imħabbra matul l-istess konferenza.

Is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti ħabbar li l-Cancer Research and Innovation Hub Malta (CRIHM) ġie uffiċjalment rikonoxxut bħala European Cancer Mission Hub, li jsaħħaħ ir-rwol strateġiku ta’ Malta fl-isforz Ewropew kollettiv biex jiġġieled il-kanċer permezz tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-kollaborazzjoni transkonfinali.

Fil-marġni tal-konferenza ġie ffirmat ftehim bejn CRIHM u MedTech World. Is-Segretarju Parlamentari faħħar dan il-ftehim u stqarr, “Il-missjoni tagħna bħala Gvern hija li niżviluppaw kollaborazzjonijiet pożittivi bejn is-settur pubbliku u dak privat. Sħubiji bħal dawn jistgħu jwasslu għal riżultati pożittivi għall-ġid tal-pubbliku, speċjalment fil-qasam tar-riċerka dwar il-kanċer. MedTech hija organizzazzjoni rinomata internazzjonalment b’kapaċità u għarfien vast li jistgħu jgħinu din il-fondazzjoni għadha żgħira tkompli tikber kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.”

Huwa żied jgħid li din is-sħubija se ssaħħaħ il-kapaċità ta’ Malta biex tiżviluppa networks ta’ riċerka b’impatt, u tgħin lir-riċerkaturi Maltin jieħdu passi ’l quddiem lejn kollaborazzjoni internazzjonali aktar wiesgħa.

Dr Dylan Attard, Kap Eżekuttiv ta’ MedTech tenna l-importanza tas-sinerġiji bejn MedTech World u CRIHM. Huwa qal: “Il-kollaborazzjoni bejn MedTech World u CRIHM tirrappreżenta pass importanti biex Malta tkompli tpoġġi lilha nfisha bħala ċentru globali għall-eċċellenza xjentifika u teknoloġika. Permezz tal-pjattaforma internazzjonali ta’ MedTech World u l-għarfien xjentifiku ta’ CRIHM, qegħdin naċċelleraw l-innovazzjoni fil-kura tal-kanċer billi ngħaqqdu r-riċerka mal-applikazzjoni reali. Din l-inizjattiva, appoġġjata mis-Segretarjat Parlamentari għaż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Cancer Research Foundation, turi l-impenn nazzjonali tagħna biex nagħtu s-setgħa lir-riċerkaturi, nilqgħu t-teknoloġija u nsaħħu l-kollaborazzjoni transkonfinali, filwaqt li nqawwu l-pożizzjoni ta’ Malta fl-innovazzjoni Ewropea fil-kura tas-saħħa.”

Dwar ir-rikonoxximent ta’ CRIHM bħala European Cancer Mission Hub, il-Professur Christian Scerri, Chairman tal-CRIHM, spjega kif dan l-istatus se jippermetti lil Malta biex ikollha rwol aktar b’saħħtu f’inizjattivi Ewropej estensivi fil-qasam tal-kanċer.

Il-Professur Scerri ħabbar ukoll it-tnedija ta’ żewġ opportunitajiet ġodda ta’ finanzjament, maħsuba biex isaħħu lir-riċerkaturi u jinkoraġġixxu l-eċċellenza:

  • Il-CRIHM Young Investigator Award – sabiex jappoġġja riċerkaturi emerġenti li qed jistudjaw il-kanċer; u
  • Is-Servizz ta’ Rifużjoni tal-Pubblikazzjonijiet Open Access ta’ CRIHM – biex jgħin lir-riċerkaturi jippubblikaw ix-xogħol tagħhom aktar faċilment billi jiġu koperti l-ispejjeż tal-pubblikazzjoni.

Il-Professur Scerri ta ħarsa ġenerali wkoll lejn il-proġetti ffinanzjati mill-UE li ngħataw lil CRIHM, u enfasizza kif dawn l-inizjattivi se jmexxu ’l quddiem l-innovazzjoni fir-riċerka u t-teknoloġija fil-qasam tal-kanċer. Huwa semma wkoll l-applikazzjonijiet il-ġodda ta’ CRIHM għal fondi Ewropej, li juru l-impenn tal-fondazzjoni li ġġib appoġġ sostenibbli għar-riċerka avvanzata.

Permezz ta’ dawn il-kisbiet, CRIHM ikompli jsaħħaħ il-missjoni tiegħu li jmexxi ’l quddiem ir-riċerka dwar il-kanċer, jippromwovi l-innovazzjoni u jkabbar il-kollaborazzjoni u b’hekk ipoġġi lil Malta bħala kontribwent attiv u kredibbli fil-ġlieda Ewropea kontra l-kanċer.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport