Friday, September 27, 2024

Crisis Resolution Malta: Dejjem Hemm Għalik f’Mumenti ta’ Bżonn

Aqra wkoll

Il-ħidma kostanti ta’ Crisis Resolution Malta qed tgħin biex tinbidel il-ħajja ta’ bosta nies, grazzi għall-impenn ta’ tim dedikat immexxi mill-psikjatra Dr Mark Xuereb. Dan mhux sempliċi xogħol iżda huwa sforz erojku u bla mistrieħ: kull membru tat-tim joffri ħinu, l-enerġija tiegħu, u l-kompassjoni biex jiġu salvati l-ħajjiet u b’hekk is-servizz jibqa’ għaddej 24/7!

Huma jiffaċċjaw każijiet kritiċi li jitolbu azzjoni immedjata. Ħafna drabi dawn il-professjonisti jittrattaw ma’ individwi f’punti tal-ħajja fejn kull sekonda hija importanti.

It-tim professjonali mhux biss juża l-kompetenza medika tiegħu, iżda anke l-ħiliet psikoloġiċi, sabiex ikunu jistgħu jagħtu mhux biss l-għajnuna ta’ emerġenza, iżda wkoll appoġġ uman f’mumenti debboli li l-bniedem jista’ jgħaddi minnhom. L-impenn tagħhom huwa evidenti mhux biss fil-mod kif jaġixxu malajr iżda wkoll fil-kura u l-kompassjoni li juru għal kull individwu. Crisis Resolution Malta qiegħdha hemm biex tisma’ kemm lill-vittma kif ukoll lill-familjari tagħhom.  

Iljieli twal bla rqad u xogħol kontinwu f’kundizzjonijiet stressanti mhumiex xi ħaġa barra min-normal għal dawn il-professjonisti, li jaħdmu bla heda biex jipprovdu servizz ta’ 24 siegħa kuljum b’xejn. Il-ħidma tagħhom titlob dedikazzjoni straordinarja, fejn kull membru tat-tim jagħmel sagrifiċċji personali kbar biex ikun ċert li kull każ jingħata l-attenzjoni li jixraqlu.

Crisis Resolution Malta hija grupp magħqud, fejn kull persuna tagħti l-massimu tagħha biex tiżgura li l-ebda ħajja ma tintilef bla raġuni. Il-kooperazzjoni u koordinament bejn il-professjonisti jirnexxielha tagħmel l-impossibbli possibbli: interventi kruċjali f’waqthom li jwittu t-triq għal soluzzjonijiet effettivi li mhux biss isalvaw ħajjiet, iżda joffru tama u għajnuna fit-tul.

Il-ħidma tagħhom qed tipprevjeni u ssalva għadd kbir ta’ traġedji f’Malta. Għaldaqstant il-kontribut tagħhom fil-komunità huwa wieħed imprezzabbli.

Crisis Resolution Malta kienu l-ewwel servizz ta’ kriżi u l-unika tim speċjalizzat f’Malta li jagħmlu dan ix-xogħol. Dan it-tim ma jneħħi xejn mix-xogħol siewi li jagħmlu l-helplines imma l-Crisis line huwa mmexxi minn tim speċjalizzat ittrejnjat b’iktar minn 14-il sena esperjenza. Kienu l-ewwel tim ta’ speċjalizzazzjoni f’dan il-kamp f’Malta li nbeda proprjament fl-10 ta’ Ottubru 2010, fil-Jum Dinji għall-Ħarsien tas-Saħħa Mentali.

Minn dak iż-żmien ‘l hemm dan it-tim baqa’ jaħdem bla nifs. F’dan it-tim insibu diversi professjonisti fosthom tim ta’ psikjatri, infermiera tal-komunita’ għall-kura tas-saħħa mentali, infermiera tal-emerġenza, psikoterapisti, konsulent kunfidenzjali, assistenti soċjali, psikologi, avukati, saċerdoti u anke tobba.  Dawn il-professjonisti lkoll flimkien jifformaw taħlita ta’ ħiliet u esperjenzi sinifikanti biex jipprovdu l-kura immedjata meta wieħed jiltaqa’ ma’ kriżijiet differenti.

Il-Crisis Line hija differenti mill-helplines l-oħra. Il-Crisis Line toffri servizz komplut għaliex apparti li tagħti parir fuq it-telephone u fuq ic-chats ,toħroġ saħansitra fuq il-post jew tara nies f’mument meta verament ikollhom bżonn.  Għaldaqstant, il-Crisis Line tagħti servizz komplut għaliex hemm team sħiħ ta’ professjonisti b’esperjenza twila u taħriġ speċjalizzat illi, fejn hemm bżonn, jaraw in-nies wiċċ imb’wiċċ u jagħmlu interventi f’waqthom li jistgħu jsalvaw il-ħajja ta’ dak li jkun. Is-servizz tal-Crisis team jestendi għal ħafna aktar minn sapport fuq il-linja tat-telephone jew permezz tac-chat. Il-Crisis Resolution Malta temmen li għandu jkun hemm ċentru biswit l-isptar Mater Dei fejn ikunu jistgħu jilqgħu dawn in-nies. 

Il-psikjatra Mark Xuereb u t-tim tiegħu mhux biss qed isalvaw ħajjiet fi kriżijiet diretti, iżda qed jibnu kultura ta’ għajnuna, kura u prevenzjoni li qed tagħmel impatt pożittiv kbir fuq is-soċjetà tagħna. Matul Settembru, u fil-fatt matul is-sena kollha, Crisis Resolution Malta qatt ma jinsew dawk li jkunu għaddejin minn mumenti diffiċli. Il-psikjatra Mark Xuereb u t-tim dedikat tiegħu huma dejjem hemm biex joffru l-għajnuna. Ix-xogħol tagħhom mhux biss huwa meqjus bħala servizz iżda huwa att nobbli ta’ dedikazzjoni assoluta lejn is-soċjeta’.

Il-Crisis Resolution Malta tiffoka wkoll fuq l-edukazzjoni tal-pubbliku, b’mod speċjali billi tkisser il-ħitan tas-silenzju u l-istigma li sikwit jikkaratterizzaw suġġetti relatati mas-saħħa mentali. Dan it-tim għaddej b’kampanja kbira kontra s-suwiċidju. It-tema ta’ din is-sena ta’ dan it-tim ta’ kriżi hija: ‘‘Nibdlu n-Narattiva, Nibdew Nitkellmu’’, li tiffoka fuq il-ħtieġa li nnaqqsu l-istigma marbuta mas-suġġett tas-suwiċidju u li nħeġġu aktar diskussjonijiet pubbliċi dwaru.  Dan jagħmel possibli li min qed ibagħti jew għaddej minn żminijiet diffiċli ikollu l-kuraġġ biex jirrikorri għall-għajnuna meħtieġa.

Il-World Health Organisation qegħdha tisħaq illi kull pajjiż jaddotta Strateġija Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju. Din hija meħtieġa sabiex l-ewwel nett jiġi rikonoxxut illi s-suwiċidju huwa problema maġġuri fis-saħħa pubblika u li għaldaqstant hemm impenn mill-awtoritajiet li tiġi indirizzata. Din l-istrateġija għandha tkun ibbażata fuq evidenza ta’ prattiċi effettivi, tidentifika l-istakeholders maġġuri u tikkoordina ħidmiethom. Fuq kollox għandhom jiġu indirizzati nuqqasijiet li jista’ jkun hemm f’leġislazzjoni, servizzi, kif ukoll fejn jidħlu riżorsi kemm finanzjarji kif ukoll umani. L-istrateġija għandha tifforma sistema ta’ advocacy, tqanqal għarfien u tieħu ħsieb li jkun hemm disseminazzjoni medjatika xierqa. Fuq kollox, għandu jkun hemm qafas b’saħħtu li jinkludi monitoraġġ u evalwazzjoni kif ukoll riċerka adegwata sabiex tassigura l-effettivita’ tal-istrateġija. F’dan ir-rigward il-WHO qegħda tinsisti illi din l-istrateġija tħaddan il-pilastri tal-inizjattiva “Speak Up for Life” li hija bbażata fuq tliet pilastri: Tkellem (Speak), Fittex (Seek) u Support. Dawn it-tliet prinċipji għandhom jilluminaw il-ħidma kollha msejsa fuq din l-istrateġija. Fil-fatt, il-WHO qed tinsisti li jkun hawn aktar għarfien dwar dan. Huwa importanti illi wieħed ma jiddejjaqx jitkellem u jsaqsi jekk persuna hijiex tikkontempla suwiċidju. Tajjeb illi wieħed ikun dispost illi jisma’ lil persuna b’moħħ miftuħ u jħalliha tiftaħ qalbha liberament. Huwa importanti wkoll illi wieħed ifittex l-għajnuna ta’ professjonisti tas-saħħa u fejn hemm il-ħtieġa wieħed jakkumpanja l-persuna ħalli tieħu l-għajnuna li għandha bżonn. Fuq kollox huwa importanti illi nagħtu lill-persuna sapport ġenwin u li l-persuna tħossha li hemm min lest biex jgħinha konkretament. Kuntatt regolari jgħin biex il-persuna ma tħossix iżolata.

Bħalissa hemm sejħa biex is-servizzi li jipprovdu appoġġ jingħaqdu u biex ikun hemm aktar koordinazzjoni.  Ħafna servizzi, ftit jew wisq, ikollhom x’jaqsmu indirettament mas-suwiċidju allura tajjeb li kulħadd ikun ikkoordinat taħt il-kappa tal-istrateġija. Hemm mhux inqas minn 200 proġett li wieħed irid iniegħdi tul dawn l-10 snin li ġejjin biex innaqqsu r-rata tas-suwiċidju.  Il-Crisis Resolution Malta temmen bis-sħiħ illi is-suwiċidju nistgħu nnaqsuh għal zero jekk aħna nkunu iddedikati u ikkoordinati.  Dan mhuwiex għan li ma nistgħux nilħquh.  Għandna bżonn inkomplu naħdmu, nagħmlu xogħol fuq ix-xogħol li diġa’ sar imma nkunu aktar ikkoordinati taħt bażi ta’ evidenza xjentifika u kollaborazzjoni.  Ultimament kulħadd igawdi għaliex   inkomplu nsalvaw l-ħajjiet mill-imwiet. Il-weġgħa kbira li jħalli s-suwiċidju fuq in-nies jew qraba tagħhom hija waħda kbira.  L-appell tal-Crisis Team għalhekk huwa li aħna ningħaqdu, li jkun hemm Uffiċju Nazzjonali għall-Prevenzjoni tas-Suwiċidju, hekk kif tgħid il-WHO. Hekk hemm pereżempju l-Awstralja, fejn xogħol dan l-Uffiċju Nazzjonali jkun iddedikat biss għall-prevenzjoni tas-suwiċidju.  Dan huwa fundamentali għaliex nafu illi r-rata tas-suwiċidju madwar id-dinja qegħda tiżdied.  Malta grazzi għall-crisis line u servizzi tal-emerġenza qed nippruvaw nikkontrollaw din ir-rata pero’ anke mewta waħda hija żejda. Aħna rridu nġibu r-rata għal zero. Anke b’ħafna pressure li hawn speċjalment fuq iż-żgħażagħ, ir-rata ta’ self-harm qed tiżdied.  Ma jfissirx li kull min jagħmel self-harm irid jikkommetti suwiċidju imma għandu mitt darba aktar riskju ċans mill-popolazzjoni ġenerali li jneħħi ħajtu fi żmien sena.  Jiġifieri dawn ma nistgħux nieħduhom lightly, a la leggera.  

Proġett ieħor li tajjeb li jkun hemm f’din l-istrateġija Nazzjonali ta’ Malta hija li jkun hemm kollaborazzjoni bejn l-iskejjel, is-servizzi tal-ħabs, il-militar, il-ġudikatura, il-politiċi, il-Knisja.  Kull sezzjoni irid ikollha stħarriġ biex ikollha crisis therapist bħal ma hemm first aider fil-liġi f’kull post. Dan biex ikun jista’ jara u jisma’ u jidentifika nies li huma f’riskju ta’ suwiċidju biex b’hekk inkomplu innaqqsu l-inċidenza ta’ suwiċidju.  Mingħajr ma ndoqqu trombi, minn meta bdejna l-ewwel servizz ta’ 24 siegħa kuljum speċjalizzat salvajna madwar 600 persuna.  Ma ninsewx li ma kull persuna hemm 20 qed jippruvaw. Tista’ tgħid illi  l-Crisis Team ikollu medja ta’ telefonata kull kwarta.  It-telefonati mhux telefonati ħfief, jesiġu ħafna ħin u dan huwa volontarjat ħajr lin-nies tat-tim.  Waqt peak hours medjament jista’ jkun hemm sa tliet telefonati kull kwarta u kull telefonata tkun kumplessa, għandha bżonn il-ħin, għandha bżonn appoġġ, għax ikun hemm ħafna tbatija fil-persuna li tkun qed iċċemplilna.  

Il-Crisis Resolution Malta ma jistax ma jagħmilx appell biex kull min iħoss li għandu bżonn l-għajnuna jagħmel kuntatt. Jekk qed tħossok f’riskju jew f’punt fejn ma tafx x’ser tagħmel, dan it-tim huwa magħruf għall-intervent rapidu u l-appoġġ sħiħ li jagħti lil kull min għandu bżonn. Għaddej minn xi kriżi? Taf lil xi ħadd li qiegħed fix-xifer, f’sitwazzjoni fejn kull mument jiswa’? Tħoss li l-affarijiet huma wisq kbar biex tħabbat wiċċek magħhom waħdek? Ma tistax tipprova ssolvi kollox waħdek! Crisis Resolution Malta jistgħu jgħinuk. Ikkuntatjahom fuq il-mobile 99339966, Facebook messenger, gmail: [email protected]  jew  permezz tal-Kriżi App li tista’ tiġi ddawnlowdjata kemm minn fuq il-Google Play kif ukoll minn fuq l-IStore.

It-tim ta’ Crisis Resolution Malta huwa lesti li jisimgħu, li jgħinuk, u li jiżguraw li ma tkunx waħdek f’dawn il-mumenti diffiċli. Kull telefonata tista’ ssalva ħajja – tistax tkun int jew xi ħadd li tħobb? Tħallix il-biża’ żżommok lura; ċempel issa u afda f’dawk li dejjem huma lesti li joffru għajnuna. Kull telefonata hija trattata b’kunfidenzjalita’, b’imħabba u serjeta’.  

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport