Malta reġgħet qed tidħol fix-xena internazzjonali ta’ għarfien u solidarjetà hekk kif Crisis Resolution Malta qed tkompli tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali permezz ta’ messaġġi ta’ tama u ghajnuna. F’okkażjoni tal-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali, li ġie mfakkar fl-10 ta’ Ottubru 2025, qed jidhru displays pubbliċi u messaġġi bil-qawwa tat-tema #StartTheConversation – biex inħeġġu lil xulxin nitkellmu u naqsmu dak li nħossu.
Din l-inizjattiva hi parti minn impenn kontinwu tal-organizzazzjoni biex tippromwovi għarfien dwar is-saħħa mentali tul is-sena kollha. Fil-fatt, matul ix-xahar ta’ Settembru, Crisis Resolution Malta kienet ukoll attiva b’diversi inizjattivi ta’ għarfien pubbliku u displays f’okkażjoni tal-Xahar Dinji ta’ Għarfien dwar is-Suwiċidju, b’messaġġ ċar ta’ tama u prevenzjoni.
Mhux biss illum, imma kuljum irridu niftakru li l-għajnuna teżisti u li t-tama qatt ma tintilef. Li titkellem dwar dak li qed tgħaddi minnu jista’ jkun l-ewwel pass lejn fejqan jew biex issalva ħajja.
Il-linja ta’ għajnuna ta’ Crisis Resolution Malta (99 33 99 66) hija miftuħa 24 siegħa kuljum, bla ħlas, għal kull min ikollu bżonn xi ħadd li jisma’ jew li jiggwidah lejn għajnuna professjonali.
Il-Jum Dinji tas-Saħħa Mentali ifakkar lil kulħadd li l-kura mentali hi parti essenzjali mill-ġid tagħna kollha. Crisis Resolution Malta tħeġġeġ lil kulħadd biex jissieħeb fil-kampanja #StartTheConversation, billi juri empatija, jisma’ b’sabar u jrawwem kultura ta’ fehim u solidarjetà.
Dan Ottubru, hekk kif il-pajjiż jiddi b’messaġġi ta’ kura u tama, ejjew nibdew il-konversazzjoni — għalina u għal dawk ta’ madwarna.
Għal aktar informazzjoni jew għajnuna, ċempel fuq 99 33 99 66 jew żur il-paġni ta’ Crisis Resolution Malta fuq il-midja soċjali.