Cristiano Ronaldo huwa lest li jieħu tnaqqis fil-paga ta’ 30% mill-pagi li għandu preżentement ma’ Manchester United biex iħalli l-club minn Old Trafford.
Il-leġġenda tar-Red Devils għamilha ċara lill-club aktar kmieni dan ix-xahar li jrid jitlaq dan is-sajf u ma rritornax biex jibda l-pre-season minħabba raġunijiet familjari. Madankollu, ma sar l-ebda progress fuq trasferiment minn dakinhar.
L-aġent tiegħu Jorge Mendes issa qed jassigura li l-proprjetarji potenzjali jkunu jafu li l-klijent tiegħu huwa lest li jnaqqas il-pakkett tal-pagi tiegħu sa 30%.
Huwa mifhum ukoll li Ronaldo hu interessat li jingħaqad ma’ Atletico Madrid. Madankollu, il-club tal-La Liga qed jiddistanzjaw lilhom infushom minn dan it-trasferiment potenzjali.
Huma l-aħħar minn serje twila ta’ clubs li rrifjutaw iċ-ċans li jiffirmaw lill-player ta’ 37 sena. Ir-rivali tagħhom Real Madrid mhux qed ifittxu li jġibuh lura lejn is-Santiago Bernabeu.
PSG, Bayern Munich u Chelsea qed jingħad li għandhom l-istess pożizzjoni. Jidher li Mendes saħansitra offra lil Ronaldo lil Barcelona qabel ma ffinalizzaw l-akkwist ta’ Robert Lewandowski.