Cristiano Ronaldo ta l-ewwel intervista tiegħu bħala l-player il-ġdid ta’ Al-Nassr fejn spjega għaliex iddeċieda li jidħol fil-football tal-Arabja Sawdija:
“Il-kampjonat għandu potenzjal enormi, hu għalhekk li jien qiegħed hawn.
Ronaldo ħalla impatt kbir fit-tieqa tat-trasferimenti tax-xitwa. L-attakkant Portugiż iddeċieda li jħalli lil Manchester United u fil-jiem li għaddew ġie ppreżentat uffiċjalment hekk kif sar ukoll l-aktar player imħallas fid-dinja.
L-attakkant ta’ 37 sena ta l-ewwel intervista personali tiegħu f’art Għarbija u żvela r-raġunijiet li wassluh biex jaċċetta l-offerta mit-team Sawdi, fejn għadu mhux se jkun jista’ jiddebutta uffiċjali għal ftit jiem minħabba li jrid iservi sospensjoni ta’ żewġ logħbiet li ġiet imposta fuqu mill-Premier League għal inċident li ġara f’April li għadda kontra Everton.
“Hija xi ħaġa kbira li ninsab hawn … li nkun f’Al-Nassr huwa unur kbir għaliha.
“Ninsab ħerqan li nagħmel lin-nies tiegħi u lili nnifsi kuntenti. Ninsab kuntent ħafna li qiegħed hawn,” beda biex qal l-eks player ta’ Manchester United.
Huwa kompla: “L-iktar ħaġa importanti hija l-preżent … li nieħdu pjaċir nilagħbu u nirbħu għat-team.
“Irrid ukoll ngħin lill-pajjiż jiżviluppa kif jixraqlu u qiegħed hawn biex inkun parti mill-ġenerazzjoni l-ġdida.”
Fl-aħħarnett, Cristiano żvela għaliex iddeċieda li jilgħab fil-football Sawdi: “Il-kampjonat għandu potenzjal enormi, hemm players inkredibbli. Hija kompetizzjoni kompetittiva ħafna … u jien għalhekk jien hawn.”