Sunday, November 24, 2024

Cristiano Ronaldo l-eroj għall-Portugall fil-200 partita internazzjonali tiegħu

Aqra wkoll

Il-captain tal-Portugall Cristiano Ronaldo skorja l-uniku goal fil-ħin miżjud fir-rebħa ta’ 1-0 fuq l-Islanda f’lejla storika hekk kif lagħab il-200 partita tiegħu internazzjonali. Din il-partita kienet valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024. 

Il-goal tal-player ta’ 38 sen għall-ewwel ġie annullat għal offside iżda mbagħad ġie konvalidat wara verifikazzjoni mal-VAR.

Dak kien il-123 goal internazzjonali ta’ Ronaldo biex kabbar ir-rekord dinji tiegħu.

Ronaldo kiser ir-rekord ta’ 196 partita tal-attakkant Kuwajti, Bader Al-Mutawa, f’Marzu – u ingħata ċertifikat mill-Guiness World Records qabel il-bidu ta’ din il-partita biex jimmarka din il-kisba maġika tiegħu.

“Għalija hija kisba inkredibbli,” qal wara l-partita. “U, ovvjament li niskorja il-goal tar-rebħa, huwa saħansitra aktar speċjali.

“Ma lgħabniex daqshekk tajjeb iżda kien jimmeritana li nirbħu. Ninsab kuntent ħafna li lgħabt il-200 partita għal pajjiżi.”

Ronaldo jinsab fl-20 sena tiegħu li jilgħab mal-Portugall, wara li għamel id-debutt internazzjonali tiegħu fl-2003, u għadu player regolari fit-team minkejja li telaq mill-Ewropa għall-Arabja Sawdija wara t-Tazza tad-Dinja.

L-eks attakkant ta’ Sporting Lisbon, Manchester United, Real Madrid u Juventus rebaħ ukoll il-Ballun tad-Deheb ħames darbiet.

Sport