L-attakkant internazzjonali Portugiż, Cristiano Ronaldo, se jkun fl-iskwadra ta’ Manchester United li l-Ħamis se tiffaċċja lil Sheriff Tiraspol valida mill-Fażi tal-Gruppi tal-UEFA Europa League.
Dan ħabbru l-coach, Erik ten Hag, waqt konferenza tal-aħbarijiet wara li dan tal-aħħar issospenda lill-istess Ronaldo mill-iskwadra li nhar is-Sibt li għadda spiċċat fi draw ta’ 1-1 kontra Chelsea.
U dan kollu seħħ minħabba li Ronaldo rrifjuta li jidħol bħala sostitut lejn l-aħħar ħinijiet tar-rebħa ta’ 2-0 fuq Tottenham Hotspur fejn anke telaq ‘il barra minn Old Trafford ħames minuti mit-tmiem.
Ten Hag saħaq li issa dan kollu huwa passat biex b’hekk ikun jista’ jikkonċentra fil-logħba kontra Sheriff. Huwa sostna li ma kien se jwieġeb għal aktar mistoqsijiet fuq dak li għadda minnu matul l-aħħar ġimagħtejn hekk kif il-każ huwa magħluq u fejn Ronaldo tħalla jagħmel it-taħriġ mal-bqija tal-iskwadra.