Manchester United huma kuntenti li jikkonfermaw li l-club laħaq ftehim ma’ Juventus għat-trasferiment sensazzjonali ta’ Cristiano Ronaldo, 36 sena, suġġett għal ftehim tat-termini personali, visa u eżami mediku li se jsir f’Lisbona, il-Portugall.
“Kulħadd fil-club qed jistenna bil-ħerqa li jilqa’ lura lil Cristiano Ronaldo f’Manchester,” qal il-club fi stqarrija.
Ronaldo, rebbieħ ħames darbiet tal-Ballon d’Or, s’issa rebaħ aktar minn 30 trofew maġġuri matul il-karriera tiegħu, inklużi ħames titli tal-UEFA Champions League, erba’ Tazzi tad-Dinja tal-Clubs tal-FIFA, seba’ titli tal-kampjonat fl-Ingilterra, Spanja u l-Italja, il-Kampjonat Ewropew ma’ pajjiżu, il-Portugall u l-UEFA Nations League.
Ir-rapporti inizjali kienu qalu li Ronaldo qal lill-coach ta’ Juventus, Massimiliano Allegri, li jrid jitlaq il-club ta’ Turin, aktarx li jmur ma’ Manchester City, iżda eventwalment iċ-champions tal-Premier League kienu ddeċidew li ma jagħmlux ftehim.
Allegri qal li nhar il-Ħamis Ronaldo kien infurmah bid-deċiżjoni tiegħu li jitlaq lill-club.
Iżda jidher li Juventus irċevew offerta ta’ £19.4 miljuni mingħand il-United għal Ronaldo, b’kuntratt ta’ sentejn, li jiswa £480,000 fil-ġimgħa, offruti lill-attakkant Portugiż.
Dan seħħ sigħat wara sejħiet minn Sir Alex Ferguson u Rio Ferdinand meta kollox kien qed jidher li se jingħaqad mar-rivali kbar mill-istess belt, Manchester City.
Il-United ma kinux ċedew it-tama li jassiguraw ritorn lejn Old Trafford għall-player li mexxa wieħed mill-iktar perjodi ta’ suċċess fl-istorja tal-club.
“Dejjem kellna kommunikazzjoni tajba,” qal il-manager tal-United, Ole Gunnar Solskjaer, dwar ir-relazzjoni tiegħu ma’ Ronaldo.
Ronaldo qatta’ sitt staġuni f’Old Trafford mill-2003 sal-2009 fejn rebaħ tmien trofej maġġuri flimkien mal-Ballon d’Or bħala l-aqwa player tad-dinja fl-2008 qabel ma ssiġilla rekord dinji ta’ dak iż-żmien ta’ £80 miljun ma’ Real Madrid.
Mal-United, huwa skorja 118-il goal u rebaħ il-Golden Boot tal-Premier League fl- istaġun 2007-08, is-sena li fiha għen lill-club ta’ Old Trafford jirbaħ l-aħħar titlu taċ-Champions League.