Qed jiġi rrappurtat li Cristiano Ronaldo jrid iħalli lil Manchester United f’Jannar li ġej u hu mifhum li l-manager Erik ten Hag “mhux se jfixklu”.
Dan wara li l-leġġenda Portugiż tħalla fuq il-bank tas-sostituti wara l-umiljazzjoni ta’ 6-3 kontra Manchester City, il-Ħadd li għadda. Meta Ten Hag ġie mistoqsi għaliex ma lagħabx lil Ronaldo, huwa sostna għamel hekk “b’rispett għall-karriera kbira tiegħu.”
Ronaldo deher frustrat li ma ġiex utilizzat f’din il-partita u għaldaqstant qed jittama li f’Jannar li ġej iħalli Old Trafford minħabba li jidher ċar li mhuwiex fil-pjani tal-manager Olandiż.
Wara tentattivi biex jitlaq lill-club fis-sajf li għadda, Ten Hag ried iżomm lill-Portugiż ta’ 37 sena.
Madankollu, issa dawwar id-diska billi qed isostni li mhux se jkun ta’ ostaklu għalih jekk fis-suq tat-trasferimenti li jmiss Ronaldo jiddeċiedi li jitlaq. Peró, Ten Hag saħaq ukoll Ronaldo jitħalla jitlaq mill-club jekk tidħol offerta aċċettabbli.
Ronaldo kellu bidu pjuttost kontroversjali għal dan l-istaġun hekk kif huwa ma ngħaqadx mal-bqija tal-iskwadra għall-pre-season. Dawn wassal biex il-Portugiż qatta ħafna mill-ħin tiegħu fuq il-bank tas-sostituti … xi ħaġa li Ronaldo jidher li mhux qed jaċċetta.