L-attakkant ta’ Manchester United, Cristiano Ronaldo, qal lil sħabu li se jibqa’ mal-club l-istaġun li ġej.
Filwaqt li r-Red Devils ġarrbu staġun diżappuntanti 2021-22, Ronaldo gawda minn staġun ieħor prolifiku fl-attakk, fejn skorja 24 goal f’39 dehra fil-kompetizzjonijiet kollha.
Il-player ta’ 37 sena ġie marbut ma’ trasferiment minn Old Trafford, b’rapport wieħed jgħid li jista’ jagħmel ritorn sensazzjonali ma’ Real Madrid.
Madankollu, Ronaldo informa lill-iskwadra tal-ewwel team ta’ United li m’għandu l-ebda intenzjoni li jħalli lill-club u se jibqa’ magħhom għall-istaġun 2022-23.
Huwa mifhum li Ronaldo tħalla diżappuntat bil-prestazzjonijiet tal-club f’dan l-istaġun iżda ma jridx iħalli lill-club f’dan iż-żmien diffiċli għalihom u huwa motivat mill-isfida li jerġa’ jgħinhom jiksbu post fiċ-Champions League.
Xi wħud minn sħab Ronaldo, fosthom Anthony Elanga, huma mifhuma li huma ħerqana biex l-internazzjonali Portugiż jibqa’ f’Old Trafford għall-inqas għal staġun ieħor, hekk kif jemmnu li għad għandhom ħafna x’jitgħallmu mill-ħames darbiet rebbieħ tal-Ballun tad-Deheb.