Cristiano Ronaldo se jkun qed iħalli lil Manchester United fis-sajf li ġej jekk ir-Red Devils jonqsu milli jikkwalifikaw għaċ-Champions League tal-istaġun li ġej.
It-team immexxi minn Ralf Rangnick bħalissa jinsab fis-seba’ post fil-klassifika tal-Premier League, ħames punti taħt West Ham United li jinsabu fir-raba’ post b’żewġ logħbiet favor il-Hammers.
Madankollu, Arsenal u Tottenham Hotspur jinsabu wkoll fit-taqtiegħa għall-post mal-ewwel erbgħa, u Spurs li jinsabu fis-sitt post għandhom żewġ logħbiet f’idejhom fuq Man United.
Ir-rappreżentanti ta’ Ronaldo għamluha ċara ma’ diriġenti f’Old Trafford li l-internazzjonali Portugiż ikun qed iħalli l-club dan is-sajf jekk ma jkunx offrut football taċ-Champions League fil-club matul l-istaġun 2023-23.
Il-player ta’ 36 sena jinsab imħasseb li jista’ jtemm il-karriera tiegħu mingħajr aktar trofej minħabba l-kwistjonijiet attwali ta’ Man United.
Ronaldo, li għandu kuntratt f’Manchester sa Ġunju 2023, skorja 14-il darba f’21 dehra għar-Red Devils mir-ritorn tiegħu fil-club mingħand Juventus.
Il-Portugiż tilef l-aħħar żewġ logħbiet ta’ Man United kontra Aston Villa minħabba injury iżda kien fl-iskwadra għall-konfront tal-Premier League tal-bieraħ kontra Brentford.