Thursday, March 28, 2024

“Cutajar għandu jirtira d-diskors frivolu li qal… Il-proċedura li ntużat kienet preċiża u korretta” – L-Ispeaker

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt ruling li ttieħed fis-seduta parlamentari tal-bieraħ li fih kien hemm diversi risposti mis-sedja segwiti mill-insistenza tal-Whip tal-Oppożizzjoni li baqa’ sakemm talab ruling minħabba dik li setgħet kienet nuqqas ta’ ftehim waqt votazzjoni ta’ proposta mressqa fis-seduta parlamentari tat-Tnejn.

Waqt dan ir-ruling indirizzat mill-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li s-Sedja tinnota l-attitudni kompletament negattiva min-naħa tal-Oppożizzjoni, b’mod partikolari tal-Onor. Robert Cutajar, inkluż insinwazzjonijiet li għamel fil-konfront tas-Sedja meta qal li s-Sedja hi żbaljata, li l-proċedura mhux inti li tagħmilha, li s-Sedja qed tieħu pożizzjoni min-naħa tal gvern, li għal darba darbtejn qal li s-Sedja hi fuq in-naħa tal-Gvern u saħansitra li s-Sedja mhux korretta.

“Dawn huma osservazzjonijiet li fl-opinjoni tas-Sedja mhumiex dehen tal-ebda membru parlamentari li jagħmilhom meta jindirizza li s-Sedja b’dan il-mod”, kompla Farrugia.

L-Ispeaker qal li l-proċedura titlob li vot jgħaddi skont in-numru rispettiv taż-żewġ naħat tal-Kamra sakemm ma jkunx hemm xi ħadd li waqt id-dibattitu jkun wera li mhuwiex se jivvota mal-grupp parlamentari li jappartjeni għalih. Jekk xi ħadd fil-minoranza kif jiddikjara mis-sedja u jkun jidhirlu li għandu jikkontesta dak il-vot għandu l-fakultà kollha li jitlob division u r-riżultat ta’ imbagħad ikun wieħed finali.

Rulings preċedenti juru li l-proċedura li ntużat ilbieraħ kienet waħda korrettisima u dan hekk kif meta s-Sedja poġġiet il-mistoqsija fuq il-mozzjoni u għajtet dawk favur u dawk kontra u li l-mozzjoni m’għaddietx kienet qed tibbaża dan fuq il-forza numerika tal-Oppożizzjoni u l-forza numerika tal-Gvern.

“Ovvjament, il-forza numerika tan-naħa tal-Gvern hija dik tal-maġġoranza u kien għalhekk li ddikjarat li l-mozzjoni m’għaddietx. Is-Sedja tinnota wkoll li dak li ddikjarat meta qal li l-mozzjoni m’għaddietx kien ukoll konfortat mill-Ministru minnufih waqt il-battibekk li nqala’. Allura dak li nsinwa l-Onor. Cutajar huwa kollu diskors frivolu u ma jagħmilx ġieħ lil min qalu”, kompla l-Ispeaker. 

L-Ispeaker kompla biex jgħid li s-Sedja tistenna li Cutajar jirtira dan id-diskors. Dan ifisser li is-Sedja ddeċidiet li l-proċedura li ntużat fis-seduta tat-Tnejn kienet proċedura preċiża, normalissima, korretta u skont l-Ordni Permanenti 83 fejn jingħad ċar li tista’ tintalab votazzjoni min-naħa tal-minoranza kif fil-fatt għamel l-Onor. Membru.

Ekonomija

Sport