Saturday, November 30, 2024

“Cycling the talk”

Aqra wkoll

Minn ISAAC SAM CAMILLERI

Malta, waħda mill-iżgħar nazzjonijiet fl-Unjoni Ewropea bl-iktar popolazzjoni densa, minkejja ċ-cokon tagħha, għandha rata verament għolja tal-użu tal-karozzi fit-toroq.  Jiena, bħala student iddeċidejt li ninvestiga u nirriċerka r-raġuni għalfejn ir-roti bħala mezz ta’ vvjaġġar, m’humiex komuni.  Wettaqt dan billi għamilt intervista lill-president tal-NGO ‘Bicycle Advocacy Group (BAG)’, ‘il-Prinċipal tal-‘Junior College’, lil membri minn ‘Transport Malta (TM)’, ‘Infrastructure Malta(IM), kif ukoll lill-Ministru tat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr. Ian Borg.

Bħala parti mir-riċerka, bgħatt survey qasir online, lil studenti li jattendu l-istess kulleġġ tiegħi.  Jidher li l-maġġoranza jużaw it-trasport pubbliku biex jivvjaġġaw kuljum lejn l-iskola, filwaqt li 0.7% minnhom jużaw ir-rota.

L-iktar tliet raġunijiet komuni li taw l-istudenti, għalfejn jippreferu dan il-mezz ta’ trasport, kienu li f’pajjiżna m’hawnx sigurtà biżżejjed għar-rotot tar-roti, li hawn nuqqas ta’ edukazzjoni fis-sewqan, kif ukoll li l-liġijiet huma laxki f’dan il-qasam.

Il-prinċipal tal-‘Junior College’ spjega illi l-kulleġġ ħa l-inizzjattiva li jinstalla żewġ racks fejn jinżammu r-roti, sabiex b’hekk ikun qed iħajjar lill-istudenti jagħmlu użu minnhom.  Semma’ wkoll li l-kulleġġ ħa sehem fi proġett bl-isem ‘Promoting Sustainable Mobility Choices in schools’, organizzat mill-gruppi ‘Nature Trust’, ‘Malta FEE’ u ‘Transport Malta.’ 

Il-parteċipanti f’dan il-proġett, ġew mogħtija voucher sabiex jutilizzawh billi jixtru materjal relatat mar-roti, sakemm qed jużaw ir-rota fit-triq lejn l-iskola.  Il-prinċipal ikkunsidra l-possibilità, illi ‘l quddiem jintroduċi attività extra-kurrikulari dwar l-istħarriġ fis-sewqan tar-rota.  Hu semma’ l-fatt illi jekk l-istudenti jidraw jimxu jew isuqu r-rota lejn l-iskola, ser isiru iktar indipendenti u fl-istess ħin jgħinu ‘l saħħithom u lill-ambjent.

Is-CEO ta’ ‘Infrastructure Malta’, l-Inġinier Fredrick Azzopardi, qal li permezz tax-xogħol tiegħu jixtieq li jwassal messaġġ u jippromwovi: is-sigurtà, sostennibiltà, kwalità, u effiċjenza għall-dawk kollha li jużaw it-toroq Maltin.  Permezz tax-xogħlijiet kontinwi fit-toroq u l-infrastruttura nazzjonali, bħal pereżempju l-mina ta’ Santa Luċija, il-proġett tal-‘Marsa Junction’, u l-proġett ‘Central Link’, l-IM qed jikkreja iktar minn 14-il kilometru ta’ lanes ġodda għar-roti.  Dawn jinkludu wkoll l-introduzzjoni ta’ passaġġi ġodda għall-pedestrians u pontijiet għaċ-ċiklisti, li ser jiffaċilitaw l-qsim minn toroq kbar, u anke jtejjeb is-servizz tal-vapur sabiex in-nies jaqsmu bil-baħar. 

TM issegwi l-Istrateġija Nazzjonali tat-Trasport 2050 li tipprevedi: Sistema ta’ trasport sostenibbli, li hija effiċjenti, inklużiva, sikura, integrata u affidabbli għan-nies u l -merkanzija, li tappoġġja ambjenti u komunitajiet urbani, rurali u kostali attraenti fejn in-nies iridu jgħixu u jaħdmu: issa u fil-futur.

Ic-chairperson u CEO ta’ TM, spjega li għal kull proġett ġdid, il-kumpanija taċċerta ruħha li l-infrastruttura għar-roti tiġi ppjanata mill-bidu nett.  Fl-opinjoni tiegħu, il-klima, l-art u t-tip ta’ ħajja f’pajjiżna, huma parti mir-raġuni għalfejn il-poplu jżomm lura milli jibdel il-mod ta’ vvjaġġar, u allura TM ser tiftaħ skemi li jippromwovu teknoloġija ġdida f’dan il-qasam, pereżempju l-użu tal-pedelec.  Il-kumpanija qed taħdem ukoll fuq kampanji edukattivi li jinvolvu ċiklisti li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom, u huma ferm grati għal dawk kollha li jħeġġu l-użu tar-roti fl-agenda nazzjonali.  Ammetta wkoll illi l-qagħda preżenti tal-infrastruttura mhix fl-aqwa tagħha u għadhom jeżistu perikli, pero jinsab iddiżappuntat illi ċerti nies iwasslu stampa ferm agħar milli hi r-realtà tas-sitwazzjoni, għaliex dan jagħmel ħsara lill-ħidma ta’ TM.

TM reċentament ħarġet leġiżlazzjoni ġdida rigward il-micro-mobility, u qed ikomplu jibnu u jappoġġjaw it-tkabbir tagħha.  Dan jinvolvi l-promozzjoni tat-tqassim ta’ trasport fejn

l-individwi jibdlu minn mod ta’ trasport għal ieħor.  Meta s-Sur Bugeja ntwera l-istħarriġ tal-istudenti, huwa qal li jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa tal-użu tar-rota mill-istudenti, għaliex dawn huma l-futur ta’ gżiritna. 

Fil-ħidma tagħha biex tippromwovi s-sigurtà fit-toroq, TM kontinwament tiltaqa’ ma’ NGOs permezz tal-‘Kunsill tas-Sigurtà fit-Toroq ta’ Malta’ fejn bħalissa qegħdin ifittxu rotot tar-roti sikuri, minn toroq sekondarji. TM għandhom ukoll direttorat iddedikat għall-infurzar tal-liġi fit-toroq tagħna li jgħin biex it-toroq ikunu siguri għal kulħadd.

BAG hija NGO ambjentali, bl-għan li tinkoraġġixxi mezzi alternattivi tat-trasport, speċjalment ir-roti.  Dr Attard Tonna, il-president tal-BAG, qal illi min-naħa tagħhom mhumiex isaqsu għal xi privileġġ speċjali, iżda fejn huwa possibli jitlob għall-inklużjoni ta’ rotot separati għar-roti, u fejn dan ma jistax iseħħ, jiżdiedu l-kampanji edukattivi u infurzar.  Attard Tonna stqarret illi meta l-armadillos, jiġu użati f’toroq prinċipali u ta’ speed għolja, jistgħu jkunu ta’ periklu, għalhekk għandhom jiġu evitati.  Waħda mill-isfidi li qed iħabbtu wiċċhom magħha, hija mal-awtoritajiet, peress li huma jikkonformaw biss mat-talba tagħhom sakemm il-bicyle lanes ma jinterferixxux mat-traffiku ġenerali.  Hija kkonkludiet li rridu nagħmlu bidla għall-futur tagħna u staqsiet “għalfejn hija daqshekk diffiċli li nibnu insfrastruttura sigura ghal poplu kollu?”

Il-Ministru Ian Borg, stqarr illi l-gvern u l-awtoritajiet li għandhom x’jaqsmu mal-ministeru tat- Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, qegħdin jaħdmu bla waqfien biex jipprovdu soluzzjonijiet short-term kif ukoll fuq bażi futura. Huwa qal li għal snin twal l-infrastruttura f’Malta lanqas tjiebet biżżejjed biex tkopri għaż-żieda fid-domanda tal-karozzi u għalhekk wisq inqas l-infrastruttura taċ-ċikliżmu,  li hija l-element li qed jiġi indirizzat f’dan iż-żmien.  Huwa tal-opinjoni li t-twessigħ u t-titjib fit-toroq ma jfissirx li l-poplu ser jixtri iktar karozzi, iżda li tiżied il-possibiltà li wieħed jasal fid-destinazzjoni tiegħu fl-ħin iqsar, u dan ser jikkontribwixxi għal kwalità aħjar ta’ ħajja u ta’ arja iktar nadifa.  Ikkonkluda billi jgħid li huma ser ikomplu jagħfsu fuq l-inċentivi bħall-iskemi tal-iscrappjar tal-karozzi, trasport pubbliku b’xejn, u l-investiment f’siti ta’ ħatt tal-vapuri, kif ukoll miżuri li diġà ttieħdu, eżempju ir-regolarizzazzjoni fis-swieq tat-tqassim tal-karozzi u r-roti.  Huwa jemmen li dan il-pass ser ikun kruċjali biex jibdel il-mentalità lokali, li għadha ferm iddominata mill-użu tal-karozzi. 

Din l-investigazzjoni tefgħet ħarsa lejn l-ostakli ewlenin li qed jaffaċċjaw iċ-ċiklisti (nuqqas ta’ infrastruttura fit-toroq u nuqqas ta’ edukazzjoni tas-sewwieqa u taċ-ċiklisti) u utenti potenzjali tar-rota li wkoll jħaddnu listess opinjoni.  Intervisti mal-korpi tal-gvern rispettivi ssuġġerew bis-sħiħ li jkun hemm kunsens fit-titjib tal-istat preżenti.  Allura hija verament kwistjoni ta ‘Cycling The Talk.’  Iż-żieda fl-użu tar-roti se jwasslu għal rata ta’ karbonju aktar baxxa u stil ta’ ħajja iktar b’saħħtu li jimmiraw l-SDGs 3, 11 u 13.

Sport