Thursday, December 26, 2024

Cyrus Engerer se jirrappreżenta s-Soċjalisti u d-Demokratiċi f’investigazzjoni dwar is-saltna tad-dritt fl-iSlovenja

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer se jkun ir-rapreżentant tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi f’missjoni dwar is-saltna tad-dritt fl-iSlovenja. 

Din il-missjoni hija organizzata mill-grupp tas-Saltna tad-Dritt fi ħdan il-Parlament Ewropew li se jinvestiga kemm il-gvern tal-iSlovenja jimxi mal-liġijiet tal-Unjoni Ewropea.

“Malta saret ta’ eżempju fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ id-demokrazija u l-governanza,” saħaq Engerer. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen semmiet lil Malta bħala eżempju f’dan ir-rigward fid-diskors tagħha dwar l-istat tal-Unjoni. 

“F’dan is-sens, huwa ta’ unur għalija li ngħatajt dan il-kompitu, li jagħtini l-opportunità li nkun ambaxxatur tal-governanza tajba, is-saltna tad-ditt u t-tisħiħ tad-demokrazija,” Engerer qal. “Juri li ma jimpurtax kemm hi diffiċli t-triq, jew kemm jista jkun hemm nuqqasijiet fl-istituzzjonijiet, l-impenn qawwi u r-rieda biex issaħħaħ id-demokrazija jistgħu jħallu riżultati kbar,” żied jgħid l-MPE.

“Se niltaqa’ mal-Prim Ministru tal-iSlovenja, mal-membri tal-gvern, mal-kapijiet tal-istituzjonijiet, mas-soċjetà ċivili, mal-ġurnalisti u akkademiċi b’moħħ miftuħ sabiex nitgħallem dwar is-sitwazzjoni attwali. Dan sabiex inkunu nistgħu naslu għa; sett ta’ rakkomandazzjonijiet għall-Kumitat tal-libertà, soċjetà u ġustizzja fi ħdan il-Parlament Ewropew,” temm jgħid Engerer.

F’intervista, il-Prim Ministru tal-iSlovenja Janez Janša qal li l-Kummissjoni Ewropea bil-mod li qed tipprova tigura li kull Stat Membru jimxi mal-valuri fundamentali Ewropej qed tispiċċa biex hi stess tkun viċin li tikser is-saltna dirett.

Janša qal li von der Leyen qed tidħol fi ġlidiet personali tal-istati membri. Huwa qal ukoll li s-saltna tad-dritt saret terminu abbużat mill-politikanti għal skopijiet partiġġjani.

Din l-investigazzjoni fl-iSlovenja waslet hekk kif il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tipprepara biex tniedi mekkaniżmu ġdid li jorbot il-fondi tal-Unjoni Ewropea mas-saltna tad-dritt. Il-Kummissjoni, wara li ssib suspett ta’ ksur tal-liġi Ewropea, tista’ tirrakomanda li l-pagamenti tal-UE jiġu sospiżi. Din id-deċiżjoni għad trid tiġi approvata mill-gvernijiet tal-istati membri b’maġġoranza ta’ voti. Janša kkritika din l-iskema.

“Il-Parlament Ewropew m’huwiex organizzazzjoni politika. Huwa post biex ikun hemm dibattiti politiċi.  Però, skont it-trattat tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni għandha tibqa’l-bogħod minn ġliediet politiċi,” qal Janša.

Dan l-artiklu jifforma parti minn sensiela jisimha Ewropej. Din parti minn inizjattiva ta’ tliet organizzazzjonijiet tal-aħbarijiet, iffinanzjata mill-Parlament Ewropew biex iqarreb iċ-ċittadini Maltin max-xogħol tal-PE u jżommhom infurmati fuq is-suġġetti li jmissulhom il-ħajja ta’ kuljum. Dawn l-artikli jirriflettu l-veduti tal-awtur. Il-Parlament Ewropew mhuwiex responsabbli għall-użu li jista’ jsir mill-informazzjoni hawn provduta

Ekonomija

Sport