Friday, November 22, 2024

“Daddy toqtolx lill-mummy”

Omm imsawta għal sitt siegħat sħaħ quddiem bintha… tgħajjir, theddid, tbenġil u ksur

Aqra wkoll

Fi 22 sena nqatlu 44 mara kawża ta’ vjolenza domestika. Dan isarraf għal medja ta’ żewġ femiċidji fis-sena li egoistikament ittieħdu ħajjiet innoċenti minn idejn agressur mimli rabja u bla kontroll. Il-vjolenza domestika u l-femiċidju huma pjaga soċjali kbira, serja u reali fejn irridu nżommu f’moħħna li dawn il-povri kienu nisa, ommijiet, aħwa, zijiet u ulied minn familji fostna li ħajjithom intemmet ħesrem b’mod vjolenti għall-aħħar. Irridu nżommu f’moħħna wkoll li hemm nisa li għadhom isofru tali abbuż fis-silenzju fejn ma jafux jekk humiex se jiskappawha u jkollhom il-grazzja li l-għada jaraw jum ġdid.

Dan id-destin krudili kien se jmiss ukoll lil omm li tkellmet ma’ IT-TORĊA fejn fiż-żwieġ li kienet fih mhux biss sofriet tgħajjir, sigħat sħaħ ta’ swat b’daqqiet ta’ ponn u bis-saqajn, għadam miksur u tbengil kullimkien, ġuħ, bard u faqar għax spiċċat bla flus u saqaf fuq rasha, din kellha wkoll tara kif tipproteġi minn dan kollu lill-għażiża bintha. Tifla li fl-età ta’ tliet snin biss, rat infern quddiemha tant li f’episodju minnhom ta’ vjolenza domestika, b’vuċi innoċenti u mwerwra talbet bil-ħniena lil missierha biex ma joqtolx lil ommha.

“Ħrabt niġri ħafja b’ta fuqi senduqi wara li kont ili naqla’ s-swat għal sitt sigħat sħaħ quddiem binti. Dejjem hekk kien jagħmilli. Saħansitra kien hemm drabi li sawwatni f’nofs ta’ triq. Kellu ideat strambi u temperament tal-biża’. Lanqas 1% tan-nies ma kien jirnexxielhom isalvaw minn dak kollu li għaddejt minnu jien. Bla ikel. Bla elettriku. Barra fit-triq b’tarbija. Immaġina, lejl minnhom qadt fuq bank ħdejn lukanda fejn b’ġismi mfarrak u mbikkma stennejt ix-xemx titla’. Bdejt nitlob li ma jsibnix u joqtolni. Anke llum waqt li qiegħda nitkellem miegħek jaqbadni tkexkix kbir aħseb u ara x’kont qiegħda nħoss dak il-ħin”.

Hekk irrakkontat omm barranija li tgħix f’Malta vittma ta’ aktar minn 15-il sena ta’ vjolenza domestika mir-raġel li ħasbet li kien iħobbha. Din il-koppja kellha tarbija – tifla – li sa minn mindu kellha ftit xhur, hija rat lil ommha tissawwat u titkaxkar mal-art bid-demm ħiereġ, tkissir ta’ oġġetti u għajjat sfrenat. Xeni tal-orrur li, sfortunatament, żgur li se jibqgħu ttimbrati f’moħħha għal ħajjitha kollha.

Minn tfulija iebsa għal futur infern
Din il-vittma ta’ vjolenza domestika bdiet biex qaltilna li kienet għadha daqsxejn ta’ tfajla ta’ 16-il sena meta spiċċat mill-eżamijiet tal-iskola. Mimlija entużjażmu għall-futur quddiemha, hija qatt ma mmaġinat x’se jkollha tiffaċċja ftit tas-snin wara. Tfulitha ma kinitx xi waħda faċli minħabba li twieldet f’pajjiż u familja fqira b’aħwa żgħar fejn wieħed minnhom kellu diżabbiltà. “Kont iddeċidejt li mmur naħdem part time biex ngħin fit-trobbija ta’ ħuti. Kulma kont nitħallas kienu €50 fix-xahar. Kont immur l-iskola għax ridt futur fejn ikolli impjieg tajjeb u nkun irrispettata. Iltqajt mar-raġel tiegħi f’tieġ wara l-eżamijiet. Qal li minn dakinhar sar iħobbni. Bdejna noħorġu flimkien u l-ewwel daqqa tagħhieli meta kelli 17-il sena u dan kollu għax riedni noħroġ il-flus għal ċurkett tal-għerusija,” spjegat din il-barranija.

Hija qalet li dan il-jum ma tinsih qatt fejn kienet f’kamartha meta f’dagħdiha ħabtilha rasha mal-gwardarobba. “Bqajt ixxokjata. Ħarist lejh u telaq. Bdejt nibki. Dak iż-żmien ma kontx naf x’inhu jiġri. Kont stupida għax minflok qbadt u tlaqtu, ċempiltlu biex nistaqsih jekk iħobbnix. Qalli li ‘iva’ u li kien għalhekk li sawwatni… Biex nifhmu,” kompliet din l-omm. Hija qalet li dak iż-żmien kienet tħobbu bl-għama u fl-istess ħin, ma kellha lil ħadd biex jiggwidaha. Spjegat li, “kont waħdi u wara xi 20 minuta rritorna d-dar u għannaqni. Baqa’ jgħidli li jħobbni, ħariġni u nsejna kollox”.

Is-swat beda oriġinarjament f’pajjiżha iżda ma waqafx hemm. Fil-fatt, inċidenti ta’ dawn it-tip bdew ikunu ripetuti sena wara l-oħra sakemm imbagħad, meta kellha 19-il sena, iżżewġu. Din l-omm insistiet li, “kont għadni nemmen li se jinbidel għax kulħadd jista’ jiżbalja. Fit-tliet snin ta’ qabel iżżewiġna s-swat baqa’ dejjem jiżdied u jiħrax. Minn daqqa ta’ ħarta sar daqqiet ta’ ponn, minn tkaxkira mal-art għal daqqiet bis-sieq. Kont nispiċċa kollni mbenġla u rikoverata l-isptar. Minkejja kollox, kont inħobbu b’ruħi u ġismi”.

“Qalulu biex jagħtini l-valenu għax nitkellem ħafna”
Din il-mara rrakkontat li sakemm iżżewġu, huma ma kienux jgħixu flimkien u kif il-familja tagħha, b’sagrifiċċji kbar, warrbu l-flus biex jagħmlulha tieġ. “Kelli tieġ u qamar il-għasel mill-aqwa u kont ferħana se ntir li fl-aħħar iżżewwiġt ir-raġel ta’ ħajti. Kont inħobbu ħafna. Wara l-honeymoon morna ngħixu man-nanniet tiegħu imma ġimgħatejn wara reġa’ beda jsawwatni. Fl-ewwel wieħed ħariġli l-ħwejjeġ mill-gwardarobba u beda jgħajjarni li jien tallaba. Qalli li żżewwiġni għax tħassarni u li kien għadu jħobb lis-sieħba li kellu qabli. Sostna li żżewwiġni għax in-nanniet tiegħu hekk riedu. F’dak il-mument, qalbi waqfet”.

Ġara li r-raġel insista li dik kienet il-kamra tiegħu u li hija ma setgħetx torqod fiha. Imbagħad meta hija marret biex torqod fis-salott, irrabjat tefagħha mal-art fejn indikalha li hemm kien postha. Żiedet li mbagħad l-għada qam qisu mhux hu u kollox irritorna għan-normal. “Ma stajtx nifhem. Il-familja qaluli li jitlef it-tempra malajr u talbuni biex nikkontrolla lili nnifsi. Ippruvajt u bdejt nagħmel minn kollox biex inżommu kuntent tant li kont nagħmel biss dak li jħobb u jrid huwa. Minkejja dan, erba’ xhur wara nqala’ argument għax ridt nara film. Barra li huwa rrifjuta għax it-televiżjoni kien tiegħu, in-nanniet tiegħu qalulu biex jagħtini l-valenu għax nitkellem ħafna. Imbagħad, talbuh ikeċċini,” kompliet b’vuċi emozzjonata għall-aħħar il-vittma.

Abbuż, kontroll u theddid minn narċissist
Din l-omm qalet li f’dan l-episodju ta’ abbuż hija rrabjat ħafna u biex tevita li s-sitwazzjoni teskala, marret għand qarib li kien jgħix fil-viċinanzi. Il-ħsieb kien li tmur nofs siegħa u tirritorna għand żewġha. Però, għalquha barra u dan meta kienet għadha friska mit-tieġ.

Qalet li, “ma nistax insib il-kliem biex nispjegalek x’ħassejt dak il-ħin. Kullimkien kien magħluq. Bdejt inħabbat fuq il-bieb iżda ħadd ma fetaħli. Tant bżajt li ħabbat fuq il-ħġieġ tat-tieqa b’konsegwenza li weġġgħajt serjament. Kważi tlift idejja u kont fil-periklu li nitlef ħajti bid-demm li tlift. Kelli bżonn ta’ operazzjoni kbira u domt kważi sena biex irkuprajt. F’dan il-perjodu sseparajna u qatt ma ġie jarani l-isptar. Minflo, tefa’ t-tort ta’ kollox fuqi,” kompliet din il-mara.

Għamlu x-xhur ma jitkellmux iżda wara reġgħu rranġaw l-affarijiet ta’ benjiethom. Hawn din il-omm qalet li s-sitwazzjoni għaliha, mill-ħażin marret għall-agħar ħafna speċjalment meta marru joqogħdu għal rashom. Spjegat kif, “kont waħdi miegħu. Sar ferm aktar vjolenti u bla kontroll tant li anke beda jkisser l-affarijiet. Kelli ħafna stress b’konsegwenza li ta’ spiss kont inċempel sick fuq ix-xogħol. Kont nibki l-ħin kollu għax kont vittma ta’ abbuż u theddid minn narċissist li ma kellux rispett lejja”.

Din il-koppja wara ż-żwieġ kienu ġew joqogħdu Malta iżda huwa niżel qabilha. Barra li weġġagħlha qalbha b’infedeltà, hija rrakkontat kif kien jipprova jikkontrollaha kompletament billi ma kienx iħalliha u jafdaha toħroġ. Dan lanqas ma’ oħtha. Kien f’okkażjoni simili li reġa’ refa’ jdejh fuqha u kien hawn li daħlet il-Pulizija għall-ewwel darba.

“Anke meta konna nkunu sereni kien jara kif jaqla’ l-inkwiet”
Dan minħabba, skont ma’ qaltilna din l-omm, żewġha ma riedhiex aktar f’Malta u mar jirrapportaha l-għassa li tinsab Malta llegalment. Din inżammet lejl f’lock up imma l-għada żewġha reġa’ qaleb il-folja u mar għaliha qisu ma kien ġara xejn. Din il-bidla estrema fl-attitudni wasslet biex din il-vittma ta’ vjolenza domestika bdiet tissuspetta li r-raġel tagħha kellu problemi ta’ saħħa mentali.

“Għal snin sħaħ bdejt nirriċerka u naqra dwar kundizzjonijiet tal-moħħ għax kont naf li ma bediex jirraġuna sew imma sadanittant, il-vjolenza domestika kompliet teskala. Innotajt li anke meta konna nkunu sereni bħala koppja kien jara kif jaqla’ l-inkwiet ta’ xejn. Dan kien anke jsawwatni wara li kien ikollna x’naqsmu flimkien. Kont qisni f’ħolma kerha li ma stajtx inqum minnha u lanqas kelli kontroll tas-sitwazzjoni. Dan sakemm fl-2017 għidtlu li jekk ikompli sejjer hekk, kont lesta li nitilqu. Ma kinitx kelma. Kif għidtlu hekk, irvella,” spjegat din l-omm.

Hija qalet li żewġha ffissa li beda jara l-aljeni, li huwa osservat minn cameras ta’ sorveljanza, kif ukoll li l-mowbajls u l-laptops kienu ħħekjati. Maż-żmien il-ħsibijiet tiegħu, għalih, saru realtà u hija bdiet tbati l-konsegwenzi. F’dan kollu daħlu xi ħbieb biex jintervjenu u ħaduh l-isptar. Kien hawn li r-raġel ingħata xi pilloli bħala kura però qatt ma ħadhom.

“Ħadli t-tifla u pprova jaħrab biha barra minn Malta”
“L-affarijiet komplew jeskalaw. Is-swat kien aktar qawwi u quddiem it-tifla. Fl-2018 waqqafli l-Karta tal-Identità u keċċieni ‘l barra. Beda jsawwatni, ħadli t-tifla u pprova jaħrab biha barra minn Malta. Biex nipproteġi lil binti ġrejt għand il-Pulizija fejn ħarġulu mandat u kkonfiskaw il-passaport ta’ binti għal tliet snin. Fil-ġenn ta’ kollox ma ġedditx il-Karta tal-Identità tiegħi bil-konsegwenza li tlift kull benefiċċju soċjali. Ħajti kienet litteralment infern u fl-2019 kelli nerġa’ mmur noqgħod miegħu,” irrakkontat din il-mara.

Għall-bidu li marret taħt l-istess saqaf ta’ żewġha kollox deher li se jgħaddi ħarir u bħala omm li tħobb lill-wild tagħha, hija ma riditx li ċċaħħad lil bintha minn missierha. “Kienet dejjem issemmih. It-tifla kellha tliet snin biss u kif kont ma stajtx mod ieħor imma, il-problemi reġgħu bdew. Beda jikkontrollani f’kollox, isawwatni, jheddidni, jeħodli l-mowbajl u darba minnhom iffissa li kien alla. Niftakar li kont fil-kamra tal-banju nnaddaf wiċċi mill-make up meta beda jħares fiss lejja. Staqsejtu x’ried u qalli li huwa kien alla. Wara, waqt li kont qiegħda ninħasel beda jakkużani li għax nagħmel il-make up għax-xogħol kont qiegħda naqlibhielu. Kissirli l-mowbajl u beda jsawwatni bla ħniena. Tlabt l-għajjut tal-ġirien u dawn bdew jgħiduli biex noħroġ mid-dar. Imma tant weġġgħani li bid-daqqiet intlift minn sensijja. F’ħin minnhom irnexxieli nitkaxkar sal-gallarija imma hawn qattali l-ħwejjeġ minn fuqi. Tlabtu bil-ħniena biex jieqaf jagħtini u kien hawn li qabad u kisser flixkun tal-birra fejn heddidni li jekk ma nammettix li huwa alla, joqtolni,” kompliet imkexkxa din l-omm.

Rat il-mewt quddiem wiċċha imma żammet f’moħħha li għandha tifla
Dan l-attakk seħħ bil-lejl u għax hija baqgħet tgħidlu ‘le’ kien hemm ħafna storbju. Kien għalhekk li qamet it-tifla li mwerwra ġriet lejn missierha tibkilu u tgħajjat ‘daddy toqtolx lill-mummy’. Żiedet li, “baqa’ jsawwatni u binti ratni kważi mejta. Kif stajt qbadtha f’idi u ġrejt lejn is-sodda biha iżda ġie warajna u baqa’ jagħtini. Qabadli ħalqi quddiemha u beda jordnali nsejjaħlu alla, li huwa l-Pulizija u li huwa l-għalliem tiegħi. Għax erġajt għidlu ‘le’, beda jagħtini bil-ponn f’wiċċi u binti kienet imwerwra f’idi. Hawn il-ġirien kollha qamu u ċemplu lill-Pulizija. Ħrabt. Kelli naħrab. Qbadt lil binti u bdejt nitlob. Rajt il-mewt quddiem wiċċi imma żammejt f’moħħi li b’xi mod irrid insalva għax għandi tifla,” kompliet l-omm bid-dmugħ f’għajnejha.

Wara dan l-episodju estrem ta’ vjolenza domestika hija “b’miraklu” irnexxielha taħrab u marret għand il-pulizija. Din il-vittma ta’ vjolenza domestika rabbiet il-kuraġġ u marret tagħmel rapport u grazzi għall-intervent f’waqtu tal-Pulizija tagħna, b’mod partikolari ta’ spettur minnhom, l-agressur ġie arrestat. Ġara però li bħal ħafna każi li nisimgħu, l-agressur għamel biss ftit ġranet il-ħabs. Dan għax, kif spjegatilna l-vittma, żewġha “ma damx ħafna ġewwa għax biegħ il-karozza li kellhom u bil-flus ħallas il-pleġġ. Lanqas temmen…”.

Il-vittma stqarret li fil-qorti beżgħet u kontra qalbha ħafritlu. Qalet li dejjem żammet quddiem wiċċha lill-kreatura tagħhom għax kif staqsietni, “se nibgħat lil missier binti l-ħabs? X’nagħmel meta joħroġ mill-ħabs? Jien naf jekk tiġinix agħar?” Fil-fatt, irriżulta li żewġha weħel “biss” sentenza sospiża.

Il-ħajja għal din l-omm kienet u għadha ferm diffiċli. “Inrabbi lil binti waħdi u huwa, ta’ narċissist li hu baqa’ jheddidni. Tlift kull parti ta’ ġismi. Snieni, subgħajja, saqajja, il-kunfidenza fijja nnifsi, id-daħka fuq wiċċi u r-rispett. Kollox. Però, ftit ftit qiegħda nerġa’ nibni ħajti għax b’xi mod trid terġa’ tqum fuq saqajk u tkompli. Qiegħda nagħmel mill-aħjar li nista’… Għax, jekk almenu mhux għalija, importanti li nkun soda u preżenti għall-binti”.

Sport