Niġerjan ta’ 54 sena kien ikkundannat tmien snin ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li daħal f’Malta b’100 kapsola li fihom kien hemm kważi kilo kokaina.
Stanley Anayo Chukwu Chukwukere kien arrestat fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta nhar it-2 ta’ Lulju 2025 wara li kien għadu kemm wasal Malta b’titjira minn Brussell.
Għalkemm fuqu ma nstab xejn, il-pulizija kienu ħaduh l-Isptar Mater Dei fejn ir-raġel ammetta li kien bela’ 100 kapsula bil-kokaina.
Chukwukere kellu jgħaddi ġuri imma l-prosekuzzjoni u d-Difiża qablu fuq piena ta’ tmien snin ħabs jekk jammetti għall-akkużi. Dan flimkien ma’ €15,000 multa.
Huwa stmat li d-981 gramma kokaina kellha purità ta’ 87% u kellha valur fit-triq ta’ madwar €57,900.
L-Imħallef Natasha Galea Sciberras aċċettat il-qbil bejn iż-żewġ naħat u kkundannatu għall-imsemmija piena.

