Tuesday, August 5, 2025

Daħlet fis-seħħ l-Organ Support Policy fi ħdan l-Isptar Mater Dei

Aqra wkoll

Daħlet fis-seħħ Organ Support Policy fi ħdan l-Isptar Mater Dei. L-għan ewlieni ta’ din il-policy hija li pazjenti b’kundizzjonijiet kritiċi jingħataw kura tal-ogħla livell fl-iqsar żmien possibbli, u li jkun hemm eskalazzjoni tal-kura sabiex jiġu mħarsa l-organi.

Il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela spjega li permezz ta’ din il-policy, kull persuna li tidħol fl-Isptar Mater Dei se jsirilha pjan għal trattament speċjalizzat u personalizzat biex tiġi evitata li jkun hemm deterjorazzjoni tal-kundizzjoni tal-pazjent. Dan il-pjan ikun jista’ jinbidel matul iż-żmien li l-persuna tagħmel rikoverata l-isptar skont il-ħtieġa marbuta mal-pazjent.

Il-Ministru Abela kompla jispjega kif permezz ta’ din il-policy ġdida l-infermiera se jkollha l-faċilità li teskala l-kura b’mod immedjat u bl-assistenza ta’ tim speċjalizzat — ‘Rapid Response Team’. Kompla jispjega li deċiżjonijiet dwar eskalazzjoni tal-kura biex jiġu mħarsa l-organi tal-pazjent għandhom jittieħdu fi żmien 24 siegħa mill-ammissjoni tal-pazjent fl-isptar bl-involviment tal-pazjent stess u qraba fejn ikun possibbli. 

“Nirringrazzja lill-professjonisti kollha fl-Isptar Mater Dei għas-sistemi ġodda li qed jiġu implimentati biex il-pazjent jingħata kura aħjar u nevitaw li l-kundizzjoni tiegħu tiġi deterjorata. Kommessi li nkomplu noffru l-aħjar kura li minnha jibbenefikaw il-pazjenti Maltin u Għawdxin,” temm jgħid il-Ministru Abela.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport