Sunday, June 8, 2025

Daħlet lura fis-seħħ is-sistema tal-booking għal Blue Lagoon 

Aqra wkoll

Is-sistema tal-booking għall-Blue Lagoon reġgħet daħlet fis-seħħ. Dan wara li t-talba minn operaturi tad-dgħajjes biex titwaqqaf is-sistema bir-raġuni ta’ diskriminazzjoni ġiet miċħuda mill-Qorti. 

Il-Qorti kienet laqgħet temporanjament it-talba imma wara li semgħet il-provi rrifjutat it-talba b’mod permanenti. Kienet l-MTA li ħabbret dan b’rabta mas-sistema daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju li għadda u li fl-ewwel jum mid-dħul tas-sistema kienu 4,800 persuna bbukkjaw.

Is-sistema jisimha, “Book, Protect, Enjoy” (Ibbukkja, Ipproteġi, Gawdi) u l-għan ewlieni tagħha taħseb biex individwi u gruppi li jaslu b’dgħajjes privati jew kummerċjali jridu jibbukkjaw bla ħlas fuq is-sit bluelagooncomino.mt.

Huma jridu jagħżlu wieħed minn 3 ħinijiet: bejn it-8am u s-1pm, bejn is-1.30pm u l-5.30pm jew bejn is-6pm u l-10pm bis-sistema tiġġenera b’mod awtomatiku QR code li l-persuni jridu jippreżentawh meta jaslu l-Blue Lagoon.

Matul is-sena li għaddiet madwar 12,000 persuna żaru l-Blue Lagoon bis-sistema l-ġdida hija maħsub biex ma jkunx hemm aktar minn 4,000 persuna f’ħin wieħed.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport