Friday, December 27, 2024

“Dak li ġara fl-aħħar ġimgħat mhux skrutinju imma attakkat insensat u ta’ vendetta kkordinata”- il-Ministru Clint Camilleri

Aqra wkoll

“Jien konxju li fil-politika trid taċċetta li tkun taħt skrutinju. U dan naċċettah mingħajr tlaqliq. Iżda dak li ġara f’dawn l-aħħar ġimgħat ma kienx skrutinju imma attakk insensat u ta’ vendetta kkordinata.” Qal dan il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri f’kitba fuq Facebook fejn saħaq li dak li qed jiġi allegat kontrih kien xprunat minn skop malinn.

Il-Ministru Camilleri rrefera fost l-oħrajn għall-allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu b’sensiela ta’ reati kriminali – b’akkużi ta’ ħabs. Huwa beda biex ċaħad bl-aktar mod kategoriku l-insinwazzjonijiet kollha msemmija. Fl-istess waqt, huwa tenna li m’għandu l-ebda problema li jirrispondi għal mistoqsijiet meta jkun hemm il-ħtieġa u l-bżonn.

Irrefera għal rikors ieħor għall-inkjesta magisterjali minn dawk li sejjaħ “l-istess nies”, proprju lejlet il-Milied, din id-darba fuq proġett tal-Gvern li ħaddieħor ħalla jikrolla u li ħaddieħor qata’ qalbu minnu u ħalla raħal sħiħ mingħajr l-aċċess principali.

“Fl-aħħar ġimgħat kien hemm manuvri fil-konfront tiegħi, kontra l-familja tiegħi u kontra nies oħra. Istanzi li jinkludu azzonijiet illegali kontrija li għalihom hemm rapport għand il-Pulizija. Istanzi oħra fejn l-interess prinċipali kien li jikkrolla l-Gvern Laburista mmexxi minn Robert Abela. Fuq dan kollu u aktar għad jasal iż-żmien li nikteb u nagħti dettalji dwar dawn il-kumplotti li huma simili ta’ dak li ġara fil-passat,” qal il-Ministru Camilleri.

“Però”, kompla jgħid il-Ministru Camilleri, “nemmen li huwa inġust fil-konfront ta’ kulħadd li hemm min qed juża l-liġijiet li suppost ikunu t-tarka taċ-ċittadin għal għanijiet perversi u politiċi. Liġijiet li qed ikunu weaponized bi skop li jixħtu lil individwu fil-purgatorju għal snin aktarx twal.”

Il-Ministru żied jistqarr li huwa daħal fil-politika mhux biex jiddedika l-ħin kollu tiegħu jkisser u jattakka lill-avversarji politiċi iżda biex iservi. “Fuq kollox għax inħobb lil pajjiżi u wisq aktar l-Gżira ta’ Għawdex. Meta nqum għax-xogħol kull filgħodu nara li nservi l-Għawdxin kollha u ma nħares xejn lejn il-kulur politiku tagħhom,” qal il-Ministru Camilleri.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport