Wednesday, July 24, 2024

“Dak li nagħmlu llum huwa eku ta’ dak li sar f’dawk iż-żminijiet”

Kien San Franġisk li beda bi presepju ħaj fi Greggio… Storja rrakkontata f’kanzunetta ġdida

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Din is-sena jaħbat it-800 anniversarju mit-twelid tal-ewwel presepju fl-Istorja. Kien proprju San Franġisk li lura fl-1223 kien għamel l-ewwel presepju ħaj fi Greggio. Din l-istorja interessanti ferm ta’ kif kellna għall-ewwel darba grupp ta’ persuni minn din il-belt Taljana li telgħu f’għar u għamlu presepju ħaj mingħajr bambin fil-maxtura, irrakkontahielna l-patri Franġiskan, Fr George Ocar Buttigieg, l-awtur tal-kanzunetta ġdida intitolata “Presepju Ħaj”. 

Filwaqt li miegħu mmorru lura għax-xewqa kbira li kellu u attwa San Franġisk li jesperjenza n-Natività kif kien esperjenzaha fl-Arti Imqaddsa, ma’ Fr George tkellimna wkoll dwar l-ewwel purċissjoni bil-bambin ta’ lejlet il-Milied f’Malta. Din hija tradizzjoni tagħna, li llum il-ġurnata nfirxet mal-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex, kien bdiha San Gorg Preca. 

Fr George bi tbissima u sens ta’ sodisfazzjon kbira, tana stampa aktar ċara ta’ kif illum il-ġurnata kważi f’kull dar insibu presepju. Iżda, aktar minnhekk, dan il-Franġiskan saħaq li kemm jekk b’kanzunetti, kif ukoll jekk b’attivitajiet reliġjużi jew inkella tiżjin fid-djar, is-sinjifikat ta’ kollox u veru tal-Milied huwa kollu kemm hu tal-bambin Ġesù… Li l-Milied huwa ċelebrazzjoni li tfakkar proprju t-twelid ta’ Ġesù fostna.

Minn fejn beda l-presepju

Fr George beda biex qalilna li, “din is-sena San Franġisk u għalhekk il-Franġiskani kollha, niċċelebraw 800 sena minn mindu San Franġisk għamel l-ewwel presepju. Naraw presepji kullimkien u mad-dinja kollha imma dan, minn x’imkien beda. Illum sirna b’mod awtomatiku nieħdu l-presepju bħala xi ħaġa normali. Imma dan ma waqax mis-sema. Minn xi ħadd u xi darba, beda. Huwa għalhekk importanti li niċċelebraw l-anniversarji. In-nies tal-lum u dawk tal-futur, b’dan il-mod tfakkarhom minn fejn ġejjin l-affarijiet”. 

Huwa spjega li San Franġisk kien iħobb ħafna l-Milied tant li kien żar l-Art Imqaddsa. “Ma nafux eżattament fejn mar imma wisq probabbli kien żar Betlem u meta mar lura l-Italja, sentejn qabel ma miet, ried jerġa’ jduq il-ħlewwa tal-Milied. Huwa ma kienx jaf x’se jagħmel biex jilħaq dan l-għan. Ma rridux ninsew li qegħdin nitkellmu l-Italja 800 sena ilu fejn id-dinja kienet fqira u ma kienx hemm statwi, bambin, pasturi jew flus. Imma, San Franġisk ried joħloq xi ħaġa. Imbagħad ġietu f’moħħu idea u mar għand ħabib tiegħu fi Greggio fejn talbu għar f’għolja li kien hemm fl-inħawi. Filwaqt li l-ħabib tiegħu kien aċċetta, dan kien staqsih x’kien se jagħmel bih. Hawn San Franġisk kien qallu li jixtieq jerġa’ jduq l-esperjenza ta’ dik il-lejla f’Betlem,” irrakkonta Fr George. 

Fir-rigward huwa spjega li San Franġisk kien xtaq li f’dak l-24 ta’ Diċembru tal-1223, lejliet il-Milied ta’ 800 sena ilu, ried jivvinta xi ħaġa ġo dak l-għar. Ħabib San Franġisk kien perpless ta’ kif se joħloq in-Natività meta realment ma kellhom xejn. Imma, skont Fr George, San Franġisk kien ippropona li jistiednu n-nies tal-post imorru fl-għar b’mara liebsa tal-Madonna, raġel ta’ San Ġużepp u jpoġġu “naqra” ta’ maxtura fin-nofs. 

Dan il-Franġiskan spegalna li l-problema kienet li ma kellhomx tarbija biex tirrappreżenta l-bambin. “Kien hawn li San Franġisk kien qallu biex ma jinkwetax għax għandhom il-maxtura u li grazzi għall-quddies ikkonċelebrata fl-għar, kien se jkollhom l-Ewkaristija preżenti. Hekk għamlu. In-nies telgħu bil-fanali u l-annimali tagħhom fejn b’dan il-mod inħolqot atmosfera. Jgħidu li kien hemm min anke ħa  baqra u ħmara”. 

Ir-rakkont minn Fr George jkompli li l-qassis beda jqaddes il-quddiesa f’dan l-għar meta, “jgħidu u kien hemm ix-xhieda, li waqt il-konsagrazzjoni, raw lil San Franġisk taħt il-mejda fejn it-tiben ikellem lill-bambin. Jiġifieri f’dik il-lejla, kien dehrlu l-Bambin. Hemm ġo Greggio… ġo dik il-maxtura. Ma kellux statwa imma dehrlu”. Kien minn din il-ġrajja li kienet nibtet l-idea li jsir il-famuż presepju. 

“Missirijietna l-Franġiskani xerdu l-imħabba lejn il-presepju”

Fr George qal li, “minn hawn twieled il-presepju u kull fejn marru missirijiena l-Franġiskani xerdu l-imħabba lejn il-presepju. Għax, kien missierna San Franġisk li waqqaf il-presepju. Hawn joħroġ punt ieħor – l-ewwel presepju kien bla pasturi u allura kien presepju ħaj bħalma għandna f’Għajnsielem”. 

Fil-fatt, riċentement erġajna bdejna nagħmlu l-presepju ħaj bħalma kien għamel San Franġisk 800 sena ilu. Dan il-Franġiskan jaħseb li dan it-tip ta’ presepju f’Malta kien beda fit-tmeninijiet bl-ewwel wieħed fl-inħawi ta’ Burmarrad fil-Kapella ta’  Santa Margerita, Għajn Riħana u wara beda jsir f’Għawdex. 

“Il-presepju ħaj huwa ħafna isbaħ imma ma tistax iddaħħal presepju ħaj f’kull dar. Allura jidħol il-presepju kif nafuh illum. Il-Franġiskani bdew jarmaw wieħed f’kull knisja li kellhom u miegħu jidħol il-famuż Dun Ġorġ Preca fejn madwar mitt sena ilu ried tradizzjoni sabiħa oħra – dik li s-soċji tal-Mużew jaraw li f’kull dar ikun hemm presepju. Huwa għalhekk li tal-Mużew bdew iqassmu l-famuża grotta u l-bambin. Illum il-ġurnata naqsu minn din it-tradizzjoni u dan kemm minħabba li numru inqas ta’ soċji u anke minħabba li jaqbillek aktar tixtri milli tagħmel għax inkella taħli aktar flus. Kulħadd jixtri l-lest u jagħtuhom il-lest. Hija ħasra, pereżempju jien, f’kamarti, għad għandi l-bambin l-antik li kienu tawni,” qal b’nostalġija dan il-Franġiskan.

San Ġorġ Preca protagonist ta’ fatt ieħor…

Ta’ bidu għall-purċissjoni bil-bambin f’lejlet il-Milied

Hawnhekk Fr George speċifikalna li San Ġorġ Preca fil-verità, huwa protagonista ta’ fatt ieħor interessanti. “Qabel ma wassal biex ikun hemm presepju fid-djar kollha, huwa ried li tibda ssir purċissjoni bil-bambin Ġesù f’lejlet il-Milied. Illum din il-purċissjoni ssir fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex u hija xi ħaġa ta’ Malta biss. Fil-fatt lanqas il-Papa fil-Vatikan ma jagħmilha. Jien għext Ruma u mkien ma ssir il-purċissjoni bil-bambin f’dan il-lejl speċjali. Dan għax kien San Ġorġ Preca li bdiha 100 sena ilu f’Malta”. 

Huwa qal li f’dawk iż-żminijiet pajjiżna kien fqir u li ma kienx hawn ħwienet li jbigħu statwi tal-bambin jew pasturi. Fr George saħaq li, “anke jekk kien hemm ħwienet ibigħu, xorta waħda ma kienx hawn flus. Allura, San Ġorġ Preca kellu flus? Barra minnhekk, din il-purċissjoni kienet idea ta’ malajr. Din ġietu f’moħħu, ra li hija xi ħaġa sabiħa imma ma kellu xejn. Però xorta waħda kien iddeċieda li jagħmilha”.

Skont ma qalilna dan il-Franġiskan, San Ġorġ Preca kien iddeċieda li jagħmel din il-purċissjoni bit-tfal u bin-nies tal-Mużew. Għal darb’oħra, anke f’din l-okkażjoni, jirriżulta li ma kellhomx bambin. Fr George qal li kien hawn li San Ġorġ Preca ftakar f’patri Franġiskan ħabib tiegħu li kien għadu kemm ġab bambin ġdid. “Kien ġie hawnhekk fil-kunvent u talabulu. Il-patri aċċetta mill-ewwel għax Dun Ġorġ Preca diġà kellu l-fama li kien qaddis. Kulma talbu kien li wara l-purċissjoni, jagħtihulu lura. Ħadu u għamel purċissjoni bih f’dik li naħsbu li kienet saret fil-Ħamrun wara l-Pesta fl-1920”.

Wara l-purċissjoni San Ġorġ Preca kien ħa l-istatwa tal-bambin lura fil-kunvent u l-istess bambin għadu hemm. Bi tbissima Fr George ikkonferma, “iva, il-bambin qiegħed preżenti u fatt interessanti ieħor dwaru hija dik li kienet qamet il-mistoqsija dwar liema huwa dan il-bambin. Dan għax hawnhekk għandna ħafna bambini. Sirna nafu grazzi għall-fatt li Wistin Camilleri, missier l-artitst Għawdxi Camilleri Gauci, kien dejjem jgħid lil uliedu li huma kollha artisti, li Dun Ġorġ Preca kien għamel din il-purċissjoni bil-bambin tiegħu. Allura, hemmhekk, għandna konferma oħra mit-tfal. Kien ġie Michael hawn, li huwa ż-żgħir mill-aħwa u kien urieni liema bambin huwa. Kien jaf għax jagħraf xogħol missieru.”

Ma’ Fr George tkellimna fid-dettal dwar il-kanzunetta ġdida “Presepju Ħaj” fejn qalilna li din tiġbor fiha dawn it-800 sena ta’ Storja tal-Presepju. Hawn huwa ried jgħaddi l-messaġġ li, għalkemm huma tajbin ħafna, presepju ħaj mhuwiex biss il-presepji ħajjin li jsiru madwar Malta u Għawdex u fid-dinja kollha. 

“Importanti li tiftakru li l-ewwel presepju ħaj kien ta’ San Franġisk 800 sena ilu u li qegħdin nagħmlu llum huwa eku ta’ dan. Irridu nkompluh. Il-messaġġ ta’ din il-kanzunetta u l-kanzunetta “Ħelu Bambin” li tagħha kont ukoll l-awtur, huma simili. L-ewwel kanzunetta (Ħelu Bambin) hija vasta aktar li tgħid li l-Milied huwa kollu kemm hu tal-Bambin Ġesù u din l-aħħar waħda hija l-Istorja tal-Presepju. Min-naħa tiegħi ngħidilkom – żejnu, tellgħu s-siġra tal-Milied u armaw il-presepji imma, tinsewx li l-Milied huwa kollu kemm hu ta’ Ġesù Bambin. Is-sinjifikat kollu huwa t-twelid ta’ Ġesù,” temm Fr George Ocar Buttigieg.

Il-kelma presepju hija ġejja mil-Latin li tfisser maxtura. “Presepium” bil-Latin u bil-Malti “maxtura”. Meta nirreferu għall-presepju jiġina f’moħħna l-presepju kif nafuh illum imma l-kelma proprja tfisser maxtura.

“Presepju Ħaj”

Kanzunetta għa-800 sena anniversarju mill-Ewwel Presepju ta’ San Frangisk fi Greccio 1223 – 2023

Ejjew f’daż-żmien mill-isbaħ

Ferħanin bil-Milied 

Nagħmlu mill-qalb presepju ħaj 

Ninġabru lkoll

Infaħħru ’l-Bambin 

Ried San Franġisk idewwaq

Ta’ Betlem il-ħlewwiet

Fi Greccio sar presepju ħaj 

Miegħu lkoll

Infaħħru ’l-Bambin

Inti u jien

Id f’id miġbura

Bil-ferħ mill-qalb, mill-qalb, mill-qalb

Arana nibnu u nżejnu lkoll flimkien

Presepju ħaj.

Baqra, ħmar, nagħaġ u Anġli,

Ġużeppi u Marija f’għar,

Maġi u ragħaj presepju ħaj

Magħhom ilkoll

Infaħħru ’l-Bambin.

Inti u jien

Id f’id miġbura

Bil-ferħ mill-qalb, mill-qalb, mill-qalb

Arana nibnu u nżejnu lkoll flimkien

Inti u jien

Id f’id miġbura

Bil-ferħ mill-qalb, mill-qalb, mill-qalb

Arana nibnu u nżejnu lkoll flimkien

Ejjew ilkoll

Dat-tifkiriet

Ngħożżu mill-qalb

Issa u f’kull żmien

Sal-aħħar jiem

Inti u jien

Id f’id miġbura

Bil-ferħ mill-qalb, mill-qalb, mill-qalb

Arana nibnu u nżejnu lkoll flimkien

Inti u jien

Id f’id miġbura

Bil-ferħ mill-qalb, mill-qalb, mill-qalb

Arana nibnu u nżejnu lkoll flimkien

Nibnu u nżejnu lkoll mill-qalb

Presepju ħaj

Id f’id fis-sliem

Presepju ħaj

Tkanta: Debbie Scerri 
Mużika: Andrew Zammit 
Kliem: Fr George Ocar Buttigieg
Sassofonu: George Curmi Puse
Pittura: Manuel Farrugia. 
Video: WeMedia
Hajr: Fr Martin Micallef għad-Dar tal-Providenza

Ekonomija

Sport