Friday, May 17, 2024

“Dak li sar hu riżultat ta’ dak li hemm fil-moħħ… dan ġej minn fejn trawwimt u l-edukazzjoni li ħadt”

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Tgħid dan il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika Audrey Friġġieri

“Dwar il-femiċidju tal-Ħadd, kieku min wettaq dan l-att, iltaqa’ ma ġuvni ieħor ma kienx se jagħmel hekk imma għax hi tfajla, min kien responsabbli ħass li jagħmel ċertu affarijiet. Din tibda mill-moħħ. X’ġiegħlu jagħmel hekk? Dan hu riżultat ta’ dak li taħseb u dak li hemm fil-moħħ. Dan hu ġej minn fejn dak li jkun ikun trawwem, trabba u l-edukazzjoni li jkun ħa. L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta u kruċjali. Ma rridux nibqgħu moħħna fis-suġġetti u l-marki biss.  Li jkollna r-rispett lejn xulxin hu bażiku”.

Dan sostnietu ma’ talk.mt  il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika Audrey Friġġieri, meta mitluba tikkummenta dwar il-femiċidju tal-Ħadd. 

“B’dan l-aħħar każ ninsabu ixxukkjati.  Għadna kemm spiċċajna s-sittax-il jum ta’ attiviżmu, li intemmu fl-10 ta’ Diċembru. Dawn kienu kontra l-vjolenza fuq in-nisa u kelllha tiġri din il-ħaġa”, tgħidilna l-Kummissarju ġdid fil-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Abbażi ta’ Ġeneru u Vjolenza Domestika, Audrey Friġġieri.

Mistoqsija jekk dak li seħħx jurix li hemm bżonn ta’ aktar kampanji kontinwi, hi qaltilna li “kampanji ta’ kuxjenza qatt mhuma biżżejjed.  Irridu nidħlu fl-edukazzjoni. Għamilna kollaborazzjoni mal-Ministru tal-Edukazzjoni u permezz ta’ dan il-ftehim fl-iskejjel se jidħol programm. Dan hu l-bidu programm biex liż-żgħażagħ nagħmluhom konxji ta’  x’għandhom jaċċettaw u x’għandux ikun aċċettat. Ir-rwol tagħna hu li ninfuwenzaw hemm barra x’jiġri. Bħala pajjiż irratifikajna l-Konvenzjoni ta’  Istanbul  u din tisħaq fuq il-prevenzjoni. Il-messaġġ fl-iskejjel u l-mass media hu importanti ħafna, li naraw kif nitrattaw lil xulxin u x’inhu permess.”

Enfasizzat li “qed nitkellmu fuq il-films li jintwerew, it-tip ta’ reklami u kif inħarsu lejn il-mara u lejn il-ġisem tagħha. Dawn il-messaġġi  ilhom għaddejjin u ilna snin twal nitkellmu  fuq ugwaljanza. Huma messaggi li ilhom jidwu. Illum qed ngħidu li mhux kwistjoni biss ta’ ugwaljanza imma hi kwistjoni ukoll ta’ rispett.”

Il-Kummissarju Friġġieri saħqet li “l-messaġġ li jrid jiġi enfasizzat hu dak ta’ kif għandha tiġi trattata mara, li din trid tiġi trattata bl-istess mod kif ikun trattat raġel”.

Dwar il-femiċidju ta’ nhar il-Ħadd, hi qaltilna li “dwar il-femiċidju iffirmajna trattat ma’ Women Rights Foundation. F’Malta issa hawn dan l-osservatorju li jiġbor data u informazzjoni dwar femiċidju. Se tkun qed issir riċerka u qed nikkollaboraw flimkien. Femiċidju hu differenti minn omiċidju għax f’femiċidju tinqatel mara sempliċiment għax hi mara. Dak li seħħ l-Ħadd, kieku iltaqa’ ma ġuvni ieħor ma kienx se jagħmel hekk imma għax hi tfajla min kien responsabbli ħass li jagħmel ċertu affarijiet. Din tibda mill-moħħ. X’ġiegħlu jagħmel hekk u dan hu riżultat ta’ dak li taħseb u dak li hemm f’moħħok. Dan hu ġej minn fejn trawwimt u kif trabbejt u l-edukazzjoni li ħadt”.

Saħqet li “l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta. Ma rridux nibqgħu moħħna fis-suġġetti u l-marki. Ma tistax tkun ħaddiem bla valuri f’posthom għax inti tkun bla rispett. Dawn huma affarijiet li jiġu qabel kollox. Dan hu l-bażiku. Ir-rispett lejk innifsek u lejn ħaddieħor. Tfittex fejn tfittex issib li l-edukazzjoni hi kollox. 

Sport