Tuesday, July 8, 2025

‘Dak li tikseb mill-atletika jiddependi mil-livell ta’ dedikazzjoni li lest tagħti għaliha’ – David Bezzina

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?

Għażilt l-atletika b’kumbinazzjoni u għall-bidu li bdejt nittrenja, iktar kien għall-iskop biex niżviluppa u ntejjeb is-saħħa fiżika personali milli biex nipparteċipa b’mod kompetittiv fl-atletika. Illum, l-atletika hi parti integrali minn ħajti.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

Bdejt nipprattika l-atletika ta’ 28 sena.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Kont immur il-gym biex nitlef naqra mill-piż żejjed li kelli. Ftit li xejn kont qed nara progress u nnutajt avviż fuq in-notice board tal-gym li kien reklam biex wieħed jibda jittrenja l-atletika mal-kowc Zeljko Aras, li dak iż-żmien kien gym instructor fil-gym li kont nattendi fih. Mort kellimtu u bdejt nittrenja miegħu xi ġimgħa wara. Kull suċċess tiegħi fl-atletika hu dovut għall-gwida tiegħu.Illum,nghodd iktar minn 15-il sena nittrenja mieghu.

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Ħadd partikolari. Kienet deċiżjoni li ħadt waħdi.

Liema unuri prinċipali irnexxielek tikseb fil-karriera tiegħek?

Sal-lum il-ġurnata, irnexxieli nistabilixxi diversi rekords indoor fil-kategorija Over 40. Fis-snin preċedenti, stabilixxejt u sussegwentement tejjibt rekords nazzjonali ( Over 40 ) fl-400m u fi-800m.

Din is-sena,stabilixxejt tliet rekords nazzjonali indoor fl-1000m ġewwa Nantes (Franza) u t-300m u 600m ġewwa Manchester (Ingilterra). Ir-riżultat tiegħi fis-600m indoor f’Manchester jikkwalifika wkoll bħala rekord nazzjonali assolut, apparti dak fil-kategorija tal-etá tiegħi.

Bħala midalji, l-akbar suċċess tiegħi kien bla dubju meta pparteċipajt fil-‘World Company Sports Games’ ġewwa Catania fi Sqallija fl-2024. F’dan l-avveniment, irnexxieli nikseb żewġ midalji tad-deheb fil-100m u l-400m, midalja tal-fidda fil-200m u waħda bronz fir-relay 4 x 100m.

Lokalment, l-ikbar suċċess tiegħi kien ir-rebħ ta’ erba’ midalji tad-deheb fil-kategorija Over 40 fil-kampjonati nazzjonali tal-atletika li saru s-sena l-oħra. Il-midalji tad-deheb ġew mirbuħa fil-100m, 200m, 400m u l-long jump.

Liema kien l-aħjar riżultat tiegħek sa issa?

Bla dubju hu r-rekord nazzjonali ġdid fis-600m indoor u li rnexxieli nistabilixxi ġewwa Manchester f’Marzu li għadda. Din kienet l-ewwel darba li rnexxieli nistabilixxi rekord nazzjonali assolut kemm ili nipparteċipa f’kompetizzjonijiet tal-atletika.

Il-media tagħtikom bizzejed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bhal ma huma l-Logħob tal-Pajjiżi żŻgħar?

Ovvjament, l-aktar pubbliċitá u exposure tmur għall-atleti li huma regolari fl-iskwadra nazzjonali u l-parteċipazzjoni tagħhom f’avvenimenti internazzjonali tal-atletika.

Peró, għandu jiġi nnutat li l-exposure tal-atletika fil-media lokali żdied ħafna fl-aħħar snin.

andek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Il-mira tiegħi hi li ntejjeb fuq ir-rekords nazzjonali fil-kategorija Over 40, li nirbaħ midalji fil-European Company Sports Games ġewwa Calvia (Spanja) f’Ġunju li ġej, kif ukoll fil-Kampjonati Nazzjonali tal-Atletika. Qed nimmira wkoll li nkompli ntejjeb fuq xi rekords personali.

X‘sagrifiċċji / commitments jitlob l-isport li int tipprattikka?

Ċerti riżultati ma jiġux mix-xejn. L-atletika trid ċertu ammont ta’ dedikazzjoni u sagrifiċċju, specċalment jekk wieħed ikun qed jimmira li jikseb riżultati tajbin.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.
Jien persuna kompettitiva u dejjem nipprova negħleb lill-avversarju waqt xi tellieqa. Mhux l-ewwel darba li nkun f’tellieqa kontra atleti li nittrenja magħhom matul il-ġimgħa. Kif tispiċċa t-tellieqa, peró, il-prassi generali hi li mmorru nikkongratulaw u nieħdu b’idejn xulxin.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Iktar tard din is-sena, se nitla’ Calvia (Spanja) biex nipparteċipa fil-European Company Sports Games, il-Kampjonati nazzjonali tal-Atletika, kif ukoll fil-European Masters Athletics Championships ġewwa Madeira (Portugall) f’Ottubru li ġej.

Għaddi messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

L-ewwel u qabel kollox, trid tkun tħobb l-isport tal-atletika. Dak li tikseb minnu jiddependi mil-livell ta’ dedikazzjoni li lest tagħti għalih!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport