Ftit tal-jiem oħra, tingħata bidu għas-sena skolastika 2025-2026, fejn eluf ta’ studenti se jirritornaw lura għal-lezzjonijiet wara l-vaganzi tas-sajf. Ħafna studenti se jsibu rinovament fl-iskola fejn jattendu wara li f’diversi skejjel sar xogħol ta’ manutenzjoni f’dawn ix-xhur tas-sajf.
Filwaqt li kien għaddej dan ix-xogħol ta’ manutenzjoni, is-sistema edukattiva kompliet għaddejja anke jekk b’ritmu inqas għal dawk l-istudenti li attendew SkolaSajf. Din serviet biex ma jkunx hemm waqfien fit-tul bejn sena akkademika u oħra fl-istess waqt li l-istudenti jibqgħu viċin it-tagħlim.
Madanakollu, għal uħud mill-istudenti, l-ewwel jiem tas-sena skolastika huwa żmien eċitanti ħafna. Dan dovut parti minnu għall-fatt li l-istudenti jitilgħu livell ieħor fejn jiffaċċjaw esperjenzi u suġġetti ġodda. F’dan il-kuntest, l-istudenti jkollhom jistudjaw aktar biex ikopru l-livell li jkunu waslu għalih.
L-edukazzjoni hija importanti għax hi ċ-ċavetta tal-iżvilupp tal-personalità. Konxju ta’ dan il-Gvern kompla għaddej bl-investiment tiegħu fl-edukazzjoni ta’ wliedna. U dan jidher mill-faċilitajiet rinovati u oħrajn ġodda li se jkunu introdotti matul din is-sena skolastika.
L-għan ta’ dan l-investiment kollu huwa biex ikompli jinkoraġġixxi l-istudenti li jibqgħu fit-tagħlim u mhux jitilqu qabel il-waqt. Dan qed iħalli frott għaliex l-istatistika qed turi li r-rata ta’ dawk li jitilqu kmieni mill-iskola, kulma jmur qed tonqos.
Għalhekk, fil-kuntest ta’ dan kollu nemmnu li l-iskejjel m’għandhomx ikunu riġidi biss fit-tagħlim imma għandhom iservu ta’ postijiet fejn l-istudenti jieħdu pjaċir imorru. Dan jirrikjedi wkoll għajnuna kontinwa lill-edukaturi biex jaqdu l-missjoni tagħhom dejjem aħjar.
Wieħed irid ifakkar illi l-Gvern irrikonoxxa l-impenn tal-għalliema tant li kien iffirma l-aqwa pakkett ta’ kundizzjonijiet ġodda u salarji li qatt qabel l-għalliema ma ngħataw. Dan apparti li kompliet tikber l-għajnuna lill-istudenti permezz ta’ żidiet kontinwi fl-istipendji bil-għan li jsir aktar faċli l-vjaġġ edukattiv tagħhom.
Aħna konvinti li l-budget għas-sena d-dieħla li se jitressaq fi ftit ġimgħat oħra fil-Parlament se jkompli jżid l-investiment fil-qasam edukattiv u jtejjeb il-mobiltà soċjali għall-istudenti kollha ta’ pajjiżna.