Wara li nhar it-Tnejn filgħodu ħarġet l-aħbar li l-club ta’ Manchester United keċċa lid-direttur sportiv, Dan Ashworth, huwa diġá qed jattira l-interess ta’ Arsenal.
Jingħad li d-disponibbiltà b’mod ħesrem ta’ Dan Ashworth ġibdet l-attenzjoni tal-Gunners fit-tfittxija tagħhom għal persuna b’esperjenza f’din il-kariga.
Ashworth, li qabel kien jaħdem mal-Football Association u Brighton, ingħaqad ma’ Manchester United mingħand Newcastle fis-sajf li għadda wara perjodu ta’ leave bi ħlas, bil-United eventwalment iħallsu madwar £5 miljuni biex setgħu jingaġġawh magħhom.
Madankollu, ir-Red Devils ħasdu lid-dinja tal-football meta ħabbru t-tkeċċija ta’ Ashworth … wara biss ħames xhur f’din ir-responsabbiltá.
It-tluq ta’ Ashworth seħħ minħabba tensjoni fost il-ġerarkija tal-club wara d-deċiżjoni li jinħatar Ruben Amorim bħala l-manager il-ġdid tagħhom ix-xahar li għadda. Ashworth iffavorixxa kandidati oħra u huwa mifhum li wara t-telfa ta’ 3-2 kontra Nottingham Forest kien hemm battibekki jaħarqu bil-konsegenza li ntwera l-bieb ta’ barra.
Peró, din it-tkeċċija tista’ tfisser aħbar tajba għal Arsenal minħabba mit-tluq ta’ Edu, li ngħaqad ma’ Nottingham Forest, ilhom ifittxu direttur sportiv. Għaldaqstant, Ashworth jilħaq il-kriterji kollha biex jiġi ngaġġat wara li ngħata kumpens ta’ £3 miljuni mill-United.