Saturday, November 2, 2024

“Dan hu l-aqwa żmien li tkun kandidat mal-PN li qed jikber u jissaħħaħ”

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, Bernard Grech, fl-attività politika tiegħu fl-Imġarr Għawdex qal li jrid li Għawdex timxi fuq il-ħiliet tagħha u waħidha mingħajr ma sserraħ fuq Malta. Filwaqt li Grech saħaq li jridu jkunu l-Għawdxin li jiddeċiedu jekk issirx il-mina bejn iż-żewġ gżejjer, huwa ħabbar pjan biex Għawdex isir aktar awtonomu u jieħu d-deċiżjonijiet għalih.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li n-numru tal-Għawdxin li jaqsmu għal Malta tela’ għal aktar minn 3,000 persuna u li din il-gżira hija wisq dipendenti fuq it-turizmu. “Huwa importanti li ninvestu fis-settur turistiku, imma ma nistgħux nibqgħu niddependu kważi fuqu biss. L-ekonomija t’Għawdex tiddependi 50% fuq it-turiżmu, mentri Malta dan il-perċentwal huwa ta’ 20%,” sostna Grech. 

Partit Nazzjonalista jrid ekonomija diversifikata u investiment li jħalli l-frott f’Għawdex ukoll. Irid ukoll li jkun hemm pjan fit-tul b’viżjoni ta’ 20 u anke 40 sena. Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li għalhekk, qiegħed ħabbar li se jinkariga lill-kumitat tal-partit regjonali tagħhom f’Għawdex biex b’kollaborazzjoni mad-deputati Għawdxin fil-Parlament u s-sehem ta’ esperti, fi ftit xhur oħra, ilestu pjan soċjo-ekonomiku għal Għawdex bil-għan li juru lill-Għawdxin kollha fejn jixtiequ jeħduhom.

Dan il-pjan, sostna Grech, se jagħti ħarsa lejn is-soċjetà Għawdxija u kif se tiżviluppa fis-snin li ġejjin u se jkun il-bażi għat-tiġdid tal-politika tal-PN f’Għawdex. Huwa qal li l-aċċessibbiltà għal Għawdex għandha tkun indirizzata u li se ssir diskussjoni dwar kif se jagħmlu kuntatt permanenti bejn Malta u Għawdex. Il-PN irid jieħu deċiżjoni infurmata dwar il-possibbiltajiet, inkluża dik tal-mina li għaliha jrid studji minn esperti indipendenti.

“Wara li jsiru l-istudji u jiġu imfissra, imbagħad issir id-deċiżjoni u jekk hemm bżonn, isir referendum bejn l-Għawdxin,” kompla l-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa saħaq li jrid jingħata stampa ċara u l-fattibilità ta’ din il-mina biex jara jekk hiex l-aħjar għażla għal Għawdex b’konsiderazzjoni għall-impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali fejn sostna li, jekk hemm alternattivi li jagħmlu inqas ħsara u aktar ġid, irid li jindirizzahom. 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Għawdex jista’ jkun mutur ekonomiku b’saħħtu li jiġbed l-aqwa talent Għawdxi, kif ukoll Malti u dak intenazzjonali u b’hekk ikompli jikber.

“Għandna naraw kif dak li nixtiequ nwettqu, nagħmluh. Irridu nsaħħu lil Għawdex billi nsibu l-ideat li jagħmlu lil din il-gżira aħjar, aktar sħiħa bħala reġjun u li ssostni lilha nnifsha. Irrid li l-kunċett tar-reġjun nagħtuh iktar saħħa billi tingħata aktar awtonomija lil Għawdex,” temm Bernard Grech. 

Sport