Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?
Il-passat tiegħi ma kienx faċli … għaddejt minn żminijiet diffiċli li kelli bżonn insib lili nnifsi lura. Tlift il-fiduċja kollha fija nnifsi u għalhekk is-sena l-oħra ddeċidejt li nibda naħdem għall-ewwel kompetizzjoni tiegħi u nista’ ngħid li sibt lili nnifsi u l-kuntentizza li ma tistax tispjega fi kliem. Irbaħt lili nnifsi lura u kienet l-isbaħ ħaġa li qatt stajt għamilt.
X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa bħala atleta?
Din kienet l-ewwel kompetizzjoni tiegħi u qatt ma bsart li se nitla’ nirrapreżenta lil Malta. Kienet ħolma li issa saret realtá. Għalija li wasalt s’hawn diġá rebbieħa.
Kif tqis il-livell tal-bodybuilding f’pajjiżna fil-preżent?
L-aħħar organizzazzjoni ta’ Novembru kienet mill-isbaħ u ta’ suċċess, bis-saħħa ta’ Ralph Decelis li hu persuna ta’ kuraġġ u sapport kbir għall-atleti Maltin u bis-saħħa tal-IFBB Malta, l-isport qed jimxi ‘l quddiem u jkompli jikber f’Malta.
U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Hawn ħafna opportunitajiet kbar min vera jixtieq jikber f’dan l-isport imma naħseb li l-bodybuilding f’Malta ma nagħtuhx daqshekk importanza daqs pajjiżi oħra.
Kif tqis il-mentalitá tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?
Il-mentalitá riċenti għadha daqsxejn lura f’dan l-isport. Ħafna nies sakemm ma jkunux jgħixuh jew qatt ma kienu f’dan l-isport mhux se jifhmu essaċċ il-bodybuilding x’jikkonsisti peró nemmen li bil-mezzi soċjali, il-mentalitá ‘l quddiem għandha tinbidel.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuikding?
Dan huwa biss il-bidu tal-futur tiegħi fil-bodybuilding. Għandi ħafna pjainjiet kbar u se nkompli naħdem biex inkompli nikber f’dan l-isport kemm hawn Malta u anke barra minn xtutna.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-bodybuilding.
Il-Bodybuilding mhuwiex sport li s-suċċessi jsiru mil-lum għal għada … trid tafda fil- proċess u importanti li tieħu ħsieb lilek innifsek mentalment!
Il-Bodybuilding mhuwiex biss sport fejn bniedem imur l-gym u jerfa’ l-ħadid … huwa sport li jagħtik ħafna iżjed minn hekk. Jagħtik il-kuraġġ, dedikazjoni, paċenzja, dixxiplina u l-fiduċja fik innifsek.

