Friday, November 8, 2024

“Dan huwa partit ta’ kriminali li jużaw il-liġi biex joqtlu lin-nies”

Aqra wkoll

Waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech, appella lill-poplu Malti biex iqum u ma jħallix lill-ħażen jibqa’ jirrenja. Huwa ddikjara wkoll li issa aktar minn qatt qabel huwa ċar li l-Partit Laburista lest biex jagħmel kollox għal poter. 

L-iżvilupp tal-bini u l-ambjent

Meta mistoqsi dwar l-żvilupp fil-pajjiż, l-ambjent u n-nuqqas ta’ spazji pubbliċi huwa beda billi spjega li, ma jistax ikollok pajjiż li jimxi ‘l quddiem jekk ma jkollokx l-iżvilupp. “Xi jfisser l-iżvilupp? Li inti tavvanza mhux biss il-mod ta’ kif topera; il-proprjetà ta’ kif tgħix; fejn inti tħaddem l-attivita kummerċjali tiegħek, iżda tavvanza l-qasam edukattiv u tal-manufattura. Biex timxi ‘l quddiem  u tagħmel hekk trid tkompli tiżviluppa, tinvesti u tkabbar l-attivita tiegħek.” 

Jgħid iżda li għandna, “nimxu favur l-iżvilupp iżda mhux għad-detriment tal-pajjiż. Jekk hawn min irid jiżviluppa, jibni jew ikompli jkattar l-attivita tiegħu aħna rriduh li jagħmilha. Iżda ma nistgħux inħalluh ikisser lil ħaddieħor biex jikber u jistgħana hu.” Huwa kompla jgħid li jekk wieħed għandu jibni, “jibni, nieħu pjaċir. Isir sinjur, però lili irid iħallini ngħix fil-libertà tiegħi, b’mod seren ġewwa dari.”

Il-proposta tal-yacht marina

“Jekk wieħed iħares ftit u janalizza x’għamel il-Gvern Laburista f’disgħa snin; ħatfilhom art sabiħa, pubblika u natural u ta lil sinjurun barrani biex jagħmel li jrid biha hu u jrid jaħtfilhom ukoll il-bajja li huma jgħumu, jgħix u jorbtu d-dgħajjes tagħhom. Mhux id-dgħajjes super yachts tal-miljunarji iżda tan-nies komuni bħalna,” hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar il-kwistjoni tal-proposta yacht marina f’Marsascala.

Filwaqt li jgħid li din il-proposta mhux aċċettabbli, jgħid ukoll li għandu jkun hemm organizzazzjoni tad-dgħajjes normali u mhux tal-miljunarji, “dawk insibulhom post ieħor għax dawk irridu naħsbu fihom ukoll,” iżda fl-aħħar jgħid li dan m’għandux ibati l-poplu ġewwa Marsascala. 

Il-kilba għall-poter

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista jgħid li m’għandu l-ebda dubju li l-Parit Laburista jasal jagħmel minn kollox biex jirbaħ a skapitu tas-sewwa, tal- verità u tal-liġi. “Kienu qiegħdin jikkonfoffaw ma’ allegat kriminal, u kulħadd jaf min hu, biex ikunu jistgħu jieħdu donazzjonijiet li mhux aċċettabbli skont il-liġi. Dawn ma jaffordjawx li ma jkunux fil-poter għax huma jistgħu jkomplu jikkontrollaw l-istituzzjonijiet biex huma, sħabhom, jistgħu jagħmlu li jridu.”

B’emozzjoni huwa qal li, “dan huma partit ta’ kriminali li jużaw il-liġi biex joqtlu lin-nies.” Fl-aħħar temm jgħid li dan hu l-mument li dan il-pajjiż qiegħed isejħilna biex ilkoll inqumu u “nqumu biex ma nħallux il-ħażen jibqa’ jirrenja.”

Sport