Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futsal?
L-imħabba tiegħi lejn il-futsal bdiet meta kont mistiedna nara logħba tat-tim tal-irġiel. Minn dakinhar bdejt napprezza l-intensità, il-ħeffa u l-ispirtu dinamiku tal-logħba. Aktar ma sirt nsegwi u nifhem il-futsal, aktar indunajt kemm hu sport tekniku u affaxxinanti. Malajr bdejt nħoss passjoni kbira lejh. Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tat-tim tan-nisa ta’ Lija Futsal. Ir-rwol tiegħi bħala kowċ ma jieqafx biss mal-aspett tekniku u tattiku. Jiena wkoll mentor u gwida għall-plejers tiegħi. Inħeġġeġ valuri bħad-dixxiplina, ir-rispett u l-ħidma f’tim. Għalkemm huwa rwol impenjattiv, jagħtini ħafna sodisfazzjon – speċjalment meta nara kemm il-plejers qed jikbru, kemm b’mod personali kif ukoll sportiv.
X’tikkummenta fuq il-fatt li għadek kemm irbaħt l-unur tal-Kowċ tas-Sena 2025 tan-nisa?
Dan huwa unur li jfisser ħafna għalija. Mhux biss bħala rikonoxximent personali għall-ħidma tiegħi, imma wkoll bħala prova tal-impenn tal-plejers u l-istaff kollu. Mingħajrhom, dan is-suċċess ma kienx ikun possibbli. Inħoss li dan l-unur huwa premju kollettiv u mument importanti fl-istorja ta’ Lija Futsal. Jservi wkoll ta’ motivazzjoni biex inkompli nitgħallem u nitjieb, kemm għalija nnifsi u kemm għall-ġid tat-tim.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim tiegħek, Lija Athletic, matul l-aħħar staġun, fejn irbaħtu wkoll il-Kampjonat?
Kien staġun eċċezzjonali specjalment meta tqis li irbahna l -ewwel u tieni kampjonat infila. Il-konsistenza, id-determinazzjoni u l-għaqda kienu kruċjali għar-rebħ tagħna. Kull plejer u membru tat-tim ħadem bla waqfien biex nilħqu l-għan komuni tagħna – li nirbħu l-Kampjonat. Il-frott ta’ dan l-impenn kollu nġabar f’dak ir-rebħ memorabbli, u jien kburija ħafna bit-tim kollu.
Żewġ plejers spikkaw fit-tim tiegħek: il-goalkeeper Rachelle Borg u Leanne Mifsud, li ġew onorati waqt is-serata finali tal-FMA Awards 2025. X’taħseb?
Rachelle u Leanne huma żewġ plejers li verament jistħoqqilhom il-mertu. Rachelle kienet pilastru fid-difiża, b’prestazzjonijiet eċċellenti bħala goalkeeper, filwaqt li Leanne wriet talent u determinazzjoni kemm fl-attakk kif ukoll fid-difiża. Huma eżempji ta’ plejers dedikati u professjonali. Għalija, però, kull plejer tat-tim kien jimmerita l-unur ta’ Plejer tas-Sena – għaliex kollha kemm huma taw kollox tul l-istaġun.
Kif tqis il-livell tal-futsal tan-nisa f’pajjiżna fil-preżent?
Il-livell qed jitjieb gradwalment. Qed naraw iktar żgħażagħ jidħlu f’dan l-isport, u l-kompetizzjoni qed issir aktar serja u organizzata. Madankollu, għad fadal ħafna xogħol x’isir, speċjalment f’dak li hu investiment, promozzjoni u kooperazzjoni mill-klabbs tal-futbol u mill-awtoritajiet bħall-MFA u l-FMA.
U fir-rigward tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Hemm ħafna sfidi meta niġu għar-riżorsi. L-aċċess għall-faċilitajiet tajbin għat-taħriġ mhux dejjem huwa faċli, u xi kultant ikollna nitħarrġu f’ħinijiet tard ħafna. Din is-sena qed naħdmu biex noħolqu kundizzjonijiet aħjar – kemm f’termini ta’ skedi, kif ukoll f’postijiet aktar adegwati.
Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna?
Hemm tibdil pożittiv. Qed jikber l-għarfien dwar l-importanza tal-isport mhux biss għall-fitness, imma wkoll għall-iżvilupp personali u komunitarju. Iżda għad hemm nuqqas ta’ kulturá ta’ appoġġ konsistenti – speċjalment lejn in-nisa u l-kowċis fil-futsal meta kkomparat mal-futbol – u din hi xi ħaġa li rridu naħdmu fuqha bħala soċjetà.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futsal?
Inħossni motivata ħafna li nkompli nikber f’dan il-qasam. Nixtieq inkompli nitgħallem u nagħti l-kontribut tiegħi sabiex nara l-futsal tan-nisa f’Malta jikber b’mod sostnut. Wieħed mill-għanijiet tiegħi hu li naraw tim nazzjonali tan-nisa fil-futsal fil-futur qarib, u nixtieq inkun parti minn din il-mixja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futsal.
Lil kull min għandu interess fil-futsal – speċjalment plejers li ġejjin mill-futbol – ngħidilhom ikellmuni u jippruvaw jilagħbu logħba waħda. Il-probabbilitá hija li mal-ewwel jogħġbok u tibqa’ tfittex li tasal il-ġurnata li terġa’ tidħol fid-dinja tal-futsal. U għal dawk li jixtiequ karriera serja, ngħidilhom: emmen fik innifsek, qatt ma tieqaf titgħallem, u ħaddem dixxiplina, passjoni u umiltà. Is-suċċess ma jiġix mil-lejl għan-nhar – iżda bis-sagrifiċċju u l-konsistenza, kollox huwa possibbli. Fuq kollox, gawdi l-vjaġġ!