F’pajjiżna hawn numru sostanzjali ta’ klieb u qtates li jispiċċaw bla dar, ħafna drabi minħabba abbandun jew kundizzjonijiet diffiċli li jsibu ruħhom fihom. Minkejja dan, għad hemm min jippreferi jixtri annimal minflok jagħti ċans lil xi kelb li diġà qed jistenna familja ġdida.
L-adozzjoni mhix biss att ta’ mħabba, iżda wkoll għażla responsabbli li tnaqqas l-abbuż, tgħin lill-annimali vulnerabbli u tikkontribwixxi għal soċjetà aktar ġusta. Illum aktar minn qatt qabel, għandna bżonn nifhmu li l-adozzjoni ta’ dawn l-annimali għandha tkun l-ewwel għażla.
Dan il-ġurnal, il-ġimgħa li għaddiet, żar l-Animal Welfare f’Ħal Luqa, fejn stajna naraw l-annimali li jinsabu għall-adozzjoni. Meta tkellimna mal-voluntiera u mal-istaff, qalulna li hemm ‘il fuq minn 70 kelb għall-adozzjoni, kollha ta’ razez differenti.
Għalhekk int li qed taqra dan l-artiklu u kont qed taħsibha biex tagħti xi sorpriża lil xi ħadd f’dawn il-festini, adotta u mhux tixtri.

