“Il-familja m’għandhiex titqies biss bħala unità privata – hija ċ-ċentru tas-soċjetà tagħna. Familji b’saħħithom iwasslu għal komunitajiet b’saħħithom, għalhekk dan il-pjan hu mfassal biex jaħdem fuq livelli diversi biex jilħaq il-familja f’kull fażi u forma tagħha. Pjan li nbena fuq konsultazzjoni reali u mhux sempliċi formalità.”
Qal dan is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Mark Musù f’intervista ma’ dan il-ġurnal dwar il-Pjan Soċjali għall-Familja 2025-2030, li għandu l-għan li jsaħħaħ il-familji f’Malta u Għawdex fid-diversi forom tagħhom, u jagħtihom l-għodda biex ikunu reżiljenti quddiem l-isfidi li qed jaffaċċjaw fis-seklu 21.
Is-Sur Musù tenna li l-politika soċjali mhux biss għandha tgħin lill-familji meta jkunu fil-bżonn, imma għandha wkoll tipprovdi għodod biex il-familji jissaħħu, jitgħallmu jindirizzaw l-isfidi, u jibnu relazzjonijiet b’saħħithom u stabbli. Hu spjega li dan il-programm hu mfassal fuq erba’ sisien jew pilastri li jarahom fundamentali sabiex ikun hemm żvilupp fil-pożittiv.
Ġustizzja Soċjali mal-Familji: dan jinkludi tisħiħ fil-benefiċċji soċjali, b’aktar għajnuna mmirata lejn dawk fil-bżonn, b’mod partikulari familji vulnerabbli. L-allokazzjoni finanzjarja għall-benefiċċji żdiedet b’53% bejn l-2014 u l-2023, filwaqt li n-numru ta’ persuni dipendenti fuq l-għajnuna soċjali naqas bin-nofs.
Relazzjonijiet b’saħħithom: l-għan hu li jissaħħu r-relazzjonijiet bejn koppji (inklużi koppji tal-istess sess), kif ukoll bejn il-ġenituri u t-tfal tagħhom. Is-Segretarju Permanenti Musù enfasizza l-importanza li ż-żewġ ġenituri – mhux l-omm biss – ikunu preżenti f’ħajjet it-tfal. Il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja personali qed ikun diskuss ma’ sħab soċjali, fosthom permezz ta’ proposti għal żieda fil-leave tal-maternità u titjib fil-parental leave.
Tiżviluppa Ħiliet għall-Ħajja: taħriġ u edukazzjoni lill-familji biex jindirizzaw il-problemi li l-ħajja tista’ ġġib magħha. Il-ħsieb hu li l-familji ma jaqtgħux qalbhom mal-ewwel diffikultà, imma jkollhom il-kompetenzi biex jirreaġixxu b’mod matur u pożittiv. Dawn jinkludu sessjonijiet edukattivi, mentoring, u servizzi ta’ appoġġ psikoloġiku.
“Nemmen li dan it-taħriġ sar fundamentali għax hawn familji li mhumiex ippreparati għal dawn il-bidliet li qed iseħħu madwarna u li xi kultant qed iħallu impatt mhux daqstant pożittiv fuqhom.”
Tisħiħ tar-Rata tal-Fertilità: il-pjan jagħraf li, mingħajr żieda fil-fertilità, il-pajjiż jista’ jaffaċċja problemi demografiċi u soċjali serji. Għaldaqstant, qed jiġu proposti miżuri bħal servizz terapewtiku pre-natali, żieda fiċ-children’s allowance, u aktar appoġġ lil dawk li jibdew familja.
F’konformità mal-ħsieb tal-Prim Ministru, il-pjan jindirizza wkoll is-sitwazzjoni dejjem tikber tal-użu esaġerat tal-midja soċjali mit-tfal.
“L-effetti fuq ir-relazzjonijiet familjari u l-iżvilupp emozzjonali tat-tfal huma ta’ tħassib. Għalhekk, il-pjan jinkludi proposta għal diskussjoni dwar limitazzjoni fuq l-aċċess għall-media soċjali għal tfal taħt it-13-il sena.”
Musù enfasizza li din mhux sempliċement kwistjoni ta’ regolament, iżda ta’ kultura ġdida:
“Jeħtieġ li nħarrġu lill-ġenituri wkoll kif jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet, u li l-edukazzjoni dwar it-teknoloġija tkun responsabbiltà kondiviża bejn l-iskejjel, il-ġenituri u l-istat.”
Musu qalilna li dan il-pjan ma waqafx fil-prinċipji jew fil-viżjoni tant li hu appoġġjat minn 71 miżura konkreta li għandhom jiġu implimentati b’mod gradwali fil-ġimgħat, xhur u snin li ġejjin. Il-miżuri jvarjaw minn inizjattivi fiskali sa servizzi diretti, taħriġ, u proġetti pilota.
Musù stqarr: “Ma rridux pjan li jkun mibni fuq il-karti – irridu nimplimentaw. Bdejna diġà b’ħidma konkreta fi ministeri differenti u konsultazzjoni estensiva mal-istakeholders, inklużi NGOs u organizzazzjonijiet volontarji. Diġà qed nitkellmu fuq miżuri fil-baġit li jmiss.”
Il-viżjoni tal-Pjan Soċjali għall-Familja mhix waħda limitata għall-familji fi kriżi jew f’pożizzjoni vulnerabbli. Hi viżjoni għal kull familja – minn dawk ġodda li qed jibdew sa dawk li qed jgħaddu minn sfidi serji. L-għan hu li tinbena familja reżiljenti, li kapaċi tirreaġixxi, titgħallem u tirkupra, mhux biss tgħix.
Is-Sur Musù temm jgħid li “issa rridu li jkun hemm ir-rieda kollettiva – politika, soċjali u komunitarja – biex dawn il-miżuri jsiru realtà. Il-familja hi s-sinsla tas-soċjetà tagħna, u rridu naħdmu flimkien biex nibnuha b’mod li tirrifletti r-realtajiet tal-lum u tiġġedded għall-ġenerazzjonijiet ta’ għada.”