Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Inkun onesta, ma nistax ngħid eżattament meta bdiet, imma dejjem kelli ġibda naturali lejn dan l-isport. Għalkemm ġejja minn familja kbira ta’ sebgħa, jien biss inħobb il-futbol, għalhekk ma nistax ngħid li trabbejt f’ambjent imdawwar bih jew li kienet xi triq mistennija li nieħu.
Dejjem kont sportiva, u b’ommi għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika, ippruvajt ħafna sports differenti. Imbagħad bdejt il-futbol ta’ 11-il sena – u minn dakinhar, qatt ma ħarist lura. Barra minn hekk, dak iż-żmien il-futbol tan-nisa kien għadu relattivament ġdid u, f’għajnejn ħafna, meqjus bħala xi ħaġa mhux tas-soltu. Il-konformità qatt ma għoġbitni – il-futbol għeni nsib mod kif nesprimi lili nnifsi u nħossni differenti mill-bqija.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Mġarr United FC.
Kull min jafni jaf kemm ifisser għalija t-tim tal-iMġarr. Bdejt magħhom b’mira waħda f’moħħi – li xi darba nirbaħ il-kampjonat magħhom u ninkiteb fl-istorja tal-klabb. Illum qed naraw aktar nies li qed jemmnu fit-tim tan-nisa u qed jinvestu fih aktar minn qatt qabel. Din il-bidla bdiet tħalli l-frott, speċjalment f’dan l-istaġun. Imma dak li għandna llum ma ġiex mix-xejn. Kien hemm ħafna nies li ħadmu b’passjoni qabel u bnew pedament b’saħħtu. Huma wkoll għandhom sehem kbir f’dak li hu l-Mġarr illum – mhux biss tim, imma post fejn tħossok milqugħa u rispettata.
U dik mat-tim nazzjonali Malti tan-nisa.
Il-ħin li nqatta’ mat-tim nazzjonali hu ta’ prestiġju kbir għalija. Naħseb li m’hemmx unur akbar għal atleta milli jirrappreżenta lil pajjiżu – u jien gratissima għal kull ċans li ngħatajt. Hemm grupp sabiħ ta’ plejers li verament jaħdmu għal xulxin, flimkien ma’ staff tekniku dedikat u l-assoċjazzjoni li qed tagħti l-kontribut tagħha biex it-tim ikompli javvanza. L-atmosfera hi waħda pożittiva u ta’ rispett reċiproku. Fl-aħħar snin, bdejna naraw riżultati li tassew nistgħu nkunu kburin bihom. Għad fadal ħafna xi jsir, ċertament, imma nemmen li qegħdin fit-triq it-tajba – u li, b’aktar ħidma u investiment, nistgħu naslu sa fejn forsi qatt ma ħsibna li nistgħu.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Manuela Tesse?
Kull kowċ li tkun taħdem miegħu jgħallmek xi ħaġa. Grazzi għall-kowċ Tesse, nista’ ngħid li għenitni nerġa’ nsib il-motivazzjoni tiegħi għall-futbol wara żmien fejn kont qed niddubita r-rwol tiegħi fit-tim. Kowċ Tesse għandha passjoni kbira għall-logħba, u din l-istess passjoni qed titrasferiha lilna. Ħerqana li nibqgħu naħdmu flimkien għax nemmen bis-sħiħ li taħt it-tmexxija tagħha t-tim jista’ jkompli jtejjeb il-livell tiegħu.
Niġu issa għall-punt … x’taħseb li kien is-sigriet wara s-suċċess tar-rebħ tal-Kampjonat minn Mgarr United FC?
Ma naħsibx li kien hemm xi sigriet partikolari wara dan is-suċċess. Għalija, dan il-kampjonat kien ir-riżultat ta’ snin twal ta’ ħidma, sagrifiċċju u impenn kontinwu minn kulħadd. Meta tim jibqa’ jirsisti sena wara sena, anke meta l-affarijiet ma jmorrux kif tixtieq, u ma jaqtax qalbu quddiem id-diffikultajiet, ikun qiegħed bil-mod il-mod jibni xi ħaġa speċjali. U dan is-suċċess ma wasalx b’kumbinazzjoni, imma għax kien hemm grupp ta’ nies li emmnu, ħadmu u taw qalbhom kollha għal dan it-tim. Mhux biss il-plejers li jidhru fil-grawnd, imma wkoll dawk kollha li jaħdmu minn wara l-kwinti, li ħafna drabi ma jidhrux jew ma jissemmawx biżżejjed, imma li l-kontribut tagħhom ikun essenzjali. Kien hemm ħafna dedikazzjoni, ħafna paċenzja u ħafna għaqda.
Nemmen li meta jkollok tim magħqud, li għandu mentalità b’saħħitha u appoġġ minn nies li verament iridu jarawk tirnexxi, illum jew għada s-suċċess jasal. U forsi proprju hemm is-“sigriet” veru: fil-konsistenza, fil-fidi fil-proċess, u fil-fatt li qatt ma waqafna nemmnu, anke fil-mumenti diffiċli. Għalhekk dan il-kampjonat għandu togħma ferm aktar speċjali, għax taf kemm kien hemm xogħol u sagrifiċċju warajh.
Xi jfisser għalik hekk kif irritornajt wara injury twila?
Għalija, dan ifisser kollox. Li rnexxieli nikseb ħolma li kelli sa minn meta kelli 14-il sena, minn mindu bdejt nilgħab mal-Imġarr, diġà huwa mument li qatt ma se ninsa. Huwa sentiment surreali, kważi ma temminx li wara 15-il sena ta’ ħidma, sagrifiċċji u stennija, fl-aħħar wasal dak il-mument li tant kont noħlom bih. Imma l-fatt li dan kollu ġie wara sena sħiħa bogħod mil-logħba minħabba injury twila jagħmilha ħafna aktar emozzjonali u sinifikanti għalija. Meta tkun imweġġa’, mhux biss titlef il-logħob, imma tgħaddi minn ħafna mumenti diffiċli mentalment u emozzjonalment ukoll.
Tħossok ’il bogħod minn dak li tħobb, tħossok qed titlef mumenti importanti, u kultant ikollok tissielet anke biex iżżomm il-fidi fik innifsek. Għalhekk, li stajt nerġa’ lura u mhux biss nirritorna, imma wkoll inkun parti minn suċċess daqshekk kbir, kienet sodisfazzjon enormi għalija. Kien bħal premju għat-tbatija kollha, għall-paċenzja, għad-dmugħ, għad-diffikultajiet u għax-xogħol kollu li sar fix-xhur twal ta’ qabel.
Dan is-suċċess għalija mhux biss trofew jew rebħa, imma tfakkira qawwija li minkejja l-ostakli, jekk tibqa’ temmen, taħdem u ma taqtax qalbek, tista’ terġa’ tqum u tilħaq dak li dejjem ħlomt bih. U forsi proprju għalhekk dan il-mument jibqa’ wieħed mill-isbaħ u l-aktar emozzjonanti f’ħajti.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Ryan Vella?
Kowċ Ryan huwa strumentali fis-suċċess tagħna. Huwa bniedem preparat ħafna tattikament u jaf kif iġib l-aħjar minn kull wieħed minna. Barra mil-lat tekniku, irnexxielu joħloq atmosfera pożittiva ħafna fid-dressing room li tagħtina kuraġġ kbir fil-pitch.
Irnexxielu joħloq ambjent fejn kulħadd iħossu importanti, kemm min jilgħab mill-bidu u kemm min jidħol minn fuq il-bank, u dik hija r-raġuni ewlenija għaliex it-tim qed jirrispondi daqshekk tajjeb għall-istruzzjonijiet tiegħu.
Kif ħassejtek li proprju f’Ottubru li għadda rritornajt fl-azzjoni wara injury serja u twila?
Ir-ritorn qed ikun sfida akbar milli ħsibt. Wara waqfa daqshekk twila, mhux faċli li terġa’ taqbad ir-ritmu tal-logħba mill-ewwel u tħossok parti mill-mekkaniżmu tat-tim, speċjalment meta l-iskwadra tkun għaddejja b’ritmu mgħaġġel.
Għadni qed insibha kemmxejn diffiċli biex nintegra kompletament, però rrid nirringrazzja minn qalbi lil sħabi tat-tim. Qed jagħmlu minn kollox biex jgħinuni nerġa’ nsib saqajja u nerġa’ nħossni parti minnhom. L-appoġġ tagħhom huwa kruċjali biex nerġa’ nibni l-fiduċja fija nnifsi u nerġa’ lura għal-livell li naf li kapaċi nilħaq.
Kif tqis il-livell attwali tal-futbol tan-nisa f’pajjiżna?
Naħseb li l-livell qed jitjieb minn staġun għall-ieħor. F’dawn l-aħħar snin, żdiedu l-plejers barranin, u nemmen li dan għen biex jogħla l-livell tal-logħba. Qed naraw ukoll aktar kowċis kwalifikati jmexxu t-timijiet tan-nisa, u dan jgħin biex jitjieb t-taħriġ. Il-fatt li l-partiti issa jintlagħbu fi tmiem il-ġimgħa kien pass pożittiv ukoll, għax ġabet iktar struttura u serjetà fil-kompetizzjoni.
Madankollu, għad hemm sfidi li rridu nindirizzaw. Hemm distakk ċar bejn it-timijiet fil-quċċata tal-klassifika u dawk ta’ taħt. Mhux għax it-timijiet l-oħra mhumiex qed jaħdmu, imma għax mhux kulħadd għandu l-istess mezzi u appoġġ – kemm finanzjarju kif ukoll strutturali. Il-fatt li għandna biss tmien timijiet fil-kampjonat jibqa’ ta’ tħassib. Jekk timijiet ikomplu jirtiraw, il-kompetizzjoni tonqos u jkun diffiċli li nkomplu nibnu fuq il-progress li sar. Huwa ċar li hemm bżonn ta’ soluzzjonijiet konkreti u strateġiċi biex niżguraw futur stabbli u sostenibbli għall-futbol tan-nisa f’pajjiżna.
U dak tal-grawnds fejn tilagħbu l-logħob uffiċjali tagħkom?
Meta tħares lejn il-livell ġenerali tal-grawnds fejn nilagħbu l-logħob uffiċjali, nista’ ngħid li ħafna minnhom huma f’kundizzjoni tajba u addattati biex jintlagħab il-futbol. Madankollu, għad hawn grawnds li jeħtieġu aktar attenzjoni, speċjalment f’termini ta’ manutenzjoni tal-artificial turf. F’xi każi, il-kundizzjoni ħażina tal-grawnd kienet kawża diretta ta’ injuries, xi ħaġa li ma nistgħux naċċettaw. Għalhekk, hemm bżonn ta’ sorveljanza iktar regolari u investiment kontinwu biex inżommu l-istandards tal-grawnds għoljin u konsistenti għal kulħadd.
Kif qed tħares lejn il futur tieghek fil futbol? Ghad narawk kowċ il quddiem?
Aktar milli nara lili nnifsi fir-rwol ta’ kowċ, bħalissa jinteressani aktar in-naħa amministrattiva jew ta’ tmexxija – anke għax diġà ggradwajt fil-qasam tal-isport. Fil-fatt, qed nippjana li nibda MBA dalwaqt, pass li nemmen jista’ jiftaħ aktar opportunitajiet għalija, speċjalment jekk xi darba niddeċiedi li nidħol fid-dinja tal-‘management’ sportiv.
Għaddi messaġġ finali speċjalment lill-bniet u tfajliet li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Intom iż-żgħar għandkom xorti kbira li tilagħbu fi żmien fejn il-futbol tan-nisa f’pajjiżna qed jiżviluppa, grazzi għall-isforzi ta’ dawk li ġew qabilkom u għaddew minn ħafna sfidi biex jiksbu d-drittijiet. Qabel ma kienx hemm l-opportunitajiet li għandna illum. Għalhekk, ħu vantaġġ minnhom b’għaqal u responsabbiltà. Fuq kollox, tibżgħux mill-iżbalji – huma parti naturali mill-proċess u jagħmluh aktar sinjifikanti!

