Wednesday, May 29, 2024

“Dan ix-xenarju joħloq diversi riskji li jistgħu jipperikolaw il-kompetittività tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika”

Il-Membru Parlamentari Ewropew, Josianne Cutajar

Aqra wkoll

Il-Membru Parlamentari Ewropew, Josianne Cutajar, talbet li l-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni dwar diversi sfidi li żviluppaw fl-industrija tal-ivvjaġġar bl-ajru. Il-MPE osservat kif hi inkwetanti ferm is-sitwazzjoni li żviluppat matul dawn l-aħħar ġimgħat, fejn numru kbir ta’ passiġġieri esperjenzaw żieda sinifikanti fil-prezzijiet tal-biljetti kif ukoll dewmien twil, telf ta’ bagalji u kanċellazzjonijiet tal-aħħar minuta tat-titjiriet tagħhom.

Dan qed iseħħ fi żmien fejn id-domanda għas-safar żdiedet sew u l-ħaddiema huma ferm anqas minn qabel il-pandemija. “Dan ix-xenarju joħloq diversi riskji fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-iskoraġġiment tat-turisti; aspetti li kollha jistgħu jipperikolaw ukoll il-kompetittività tal-Ewropa bħala destinazzjoni turistika” qalet Dr Cutajar.

Fid-dawl ta’ dan kollu, Dr Josianne Cutajar qed tagħmel pressjoni biex dawn ir-realtajiet jiġu diskussi fuq livell Ewropew. Bħala parti minn din il-ħidma, hi staqsiet lill-Kummissjoni Ewropea kif qed tinvolvi ruħha mal-partijiet ikkonċernati, inklużi l-linji tal-ajru u l-operaturi, biex tindirizza xenarji bħal dawn, anke għall-futur, u jekk hemmx pjan ta’ kontinġenza f’dan ir-rigward. Il-MPE insistiet ukoll mal-Kummissjoni biex tinvestiga l-kwistjoni, biex b’hekk tanalizza l-ġustizzja tal-prattiċi li qed iseħħu, kif ukoll jekk in-nuqqas ta’ ħaddiema fis-settur jistgħux jirriżultaw f’livell aktar baxx ta’ sikurezza kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-passiġġieri.

Fl-aħħar nett, il-MPE Cutajar talbet li l-Kummissjoni Ewropea tieħu kwalunkwe azzjoni li tista’ biex tħares id-dritt ħieles tal-moviment ta’ passiġġieri minn żoni remoti Ewropej, inkluż il-gżejjer, li huma fi żvantaġġ ġeografiku fir-rigward tal-għażliet tal-ivvjaġġar. “Dawn iż-żoni wkoll qed jiffaċċjaw prezzijiet għoljin, imma l-fatt li ċ-ċittadini li ġejjin mill-gżejjer jiddependu fuq it-trasport bl-ajru, ifixkel ferm aktar il-moviment ħieles tagħhom”, ikkonkludiet il-MPE Josianne Cutajar.

Sport