Tuesday, July 22, 2025

‘Dan kien bidu sabiħ u posittiv, u nittama li nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess’ – Daniel Tanti Farrugia

Aqra wkoll

It-timijiet Nazzjonali tal-Beach Handball għadhom kif irritornaw Malta wara ġimgħat intensivi ta’ kompetizzjoni internazzjonali. Din il-parteċipazzjoni timmarka pass ieħor importanti fl-istrateġija fit-tul tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Handball biex tiżviluppa u ssaħħaħ l-isport f’Malta.

Din l-attivita bdiet bil-parteċipazzjoni fiċ-Calise Cup – li saret ġewwa l-Italja,  fejn ħadu sehem kemm it-timijiet tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, u laħqet il-qofol tagħha bid-debutt storiku tat-tim tal-irġiel fil-Beach Handball EURO 2025 li sar f’Alanya, it-Turkija.

Fl-EURO 2025 Malta kisbet draw diffiċli meta fi Grupp A kellha taffaċċja lil xi wħud mill-aktar timijiet b’saħħithom fl-Ewropa — il-Kroazja, rebbieħa l-kampjonat tad-dinja is-sena l-oħra u l-kampjonat Ewropew għal erba’ darbiet; id-Danimarka, darbtejn champions tal-Ewropa u rebbieħa tal-bronż fl-2023; u l-Polonja, magħrufa għall-esperjenza estensiva tagħha.

Il-partita tal-ftuħ kontra d-Danimarka rat lil Malta tagħti wirja determinata, speċjalment fl-ewwel set, iżda l-esperjenza tad-Daniżi rathom jieħdu r-rebħa. Logħba diffiċli ħafna kontra l-Kroazja segwiet, fejn dawn wrew għal darb’oħra l-klassi tagħhom. Kontra l-Polonja, Malta wriet il-potenzjal tagħha — fejn kellha distakk b’żewġ gowls fit-tmien minuta tat-tieni set, u kienet biss azzjoni waħda ‘l bogħod milli tkabbar il-vantaġġ. Sfortunatament, opportunità mitlufa kienet biżżejjed biex il-Polonja ddawwar ir-riżultat favur tagħha.

Fit-tieni fażi tal-kompetizzjoni, Malta lagħbet kontra ċ-Czechia, il-Bulgarija u l-Ukrajna. Il-logħba kontra l-Bulgarija kienet partikolarment inkoraġġanti, b’Malta viċin li tikseb l-aħjar riżultat tagħha fil-kampjonat, iżda l-esperjenza tal-avversarji kienet akbar. Fil-logħba finali kontra l-Ukrajna, il-livell tal-logħob ta’ Malta tjieb, iżda s-superjorita fiżika tat-tim Ukren irriżulta f’rebħa għat-tim Ukren.

Waqt l-EURO 2025 Malta spiċċat fit-tielet post fil-klassifika tal-Fair Play, li turi l-ispirtu sportiv u l-attitudni pożittiva tat-tim.

Rigward dan u aktar, tana iktar kummenti il-player ferm importanti tat-tim nazzjonali, Daniel Tanti Farrugia.

L-esperjenza li nirrappreżentaw lit-tim nazzjonali tal-beach handball fil-Kampjonati Ewropej f’Alanya, it-Turkija, kienet xi ħaġa unika. Li nikkompetu kontra l-aqwa timijiet fl-Ewropa kien test kbir kemm fiżikament kif ukoll mentalment imma li għamlitna kburin. 

It-tim tagħna kien taħlita ta’ plejers b’esperjenza u talent żagħżugħ b’potenzjal. L-integrazzjoni ta’plejers b’potenzjal kien pass intenzjonat mhux biss għax għandhom livell adegwat imma wkoll huwa parti mill-programm ta’żvilupp fit-tul li l-Assoċjazzjoni qed taħdem fuqu. Dan sabiex nibnu kontinwità għal kompetizzjonijiet futuri. 

Min-naħa tiegħi, ippruvajt nagħti l-kontribut anke mill-lat t’esperjenza li ksibt fil-Kampjonat Taljan tal-Beach Handball kif ukoll esperjenza miksuba  f’kompetizzjonijiet internazzjonali preċedenti. Kien ta’ sodisfazzjon li ngħin lill-plejers iż-żgħażagħ jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tal-logħba internazzjonali.

Fl-istess ħin, bi preparazzjoni għal dan it-turnament ħadna sehem fil-Calise Cup, ġewwa Gaeta, l-Italja. Minn barra li kont qieghed nilgħab, kont involut ukoll bħala kowċ mat-tim nazzjonali tan-nisa. 

Din kienet l-ewwel kompetizzjoni internazzjonali għat-tim tan-nisa, u fissret pass importanti fil-bidu ta’ dan il-proġett. L-esperjenza serviet bħala bażi importanti biex il-plejers jibdew jifhmu l-livell tal-kompetizzjoni internazzjonali, filwaqt li wriet ukoll il-potenzjal li għandu l-beach handball tan-nisa f’Malta. 

F’dan ir-rwol, qed ngħin biex nibnu tim kompettitiv, billi nagħtuhom taħriġ fejn huma jadattaw  għall-karatteristiċi uniċi tal-logħba fuq ir-ramel, kif ukoll billi nsaħħu l-kunċetti tattiċi ta’din il-logħba. 

Dan kien bidu sabiħ u pożittiv, u nittama li nkomplu nibnu fuq dan is-suċċess b’aktar kampijiet ta’ taħriġ, logħbiet ta’ ħbiberija, u eventwalment parteċipazzjoni f’kompetizzjonijiet uffiċjali.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport