Thursday, July 10, 2025

‘Dan kien l-ewwel unur għas-Slimiżi fix-xena tal-Beach Soccer Malti’ – Zack Zammit

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn ta’ etá ċkejkna dejjem kont inħobb insewgi l-isport. Il-lobgħa tal-futbol naħseb iffavurixxejtha minħabba l-fatt li huwa team-sport u b’hekk kull karattru u individwu jkollu parti integrali bir-responsabbiltajiet tiegħu fil-logħba.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq ir-rebħ tal-Kampjonat tal-Beach Soccer minn Sliema Beach Soccer fil-jiem li għaddew?

Dan kien l-ewwel unur għas-Slimiżi fix-xena tal-Beach Soccer Malti. Għalija personalment dan huwa unur kbir li flimkien ma’ sħabi, kont kapaċi nniżżel Tazza oħra ġewwa Tas-Sliema!

X’tikkummenta b’mod partikolari fuq il-finali li fiha għelibtu lil Hamrun SC Beach Soccer bl-iskor ta’ 7-6?

Il-partita kienet waħda ferm interessanti. Darbtejn morna fil-vantaġġ bi tliet gowls, iżda t-tim Ħamruniż wera l-grinta tiegħu fil-partita u b’nuqqas ta’ komunikazzjoni u żbalji li setgħu jigu evitati reġgħu daħlu fil-logħba. Minkejja dan, it-tim Slimiż xorta wera prestazzjoni b’saħħitha u b’hekk it-Tazza tal-Kampjonat tal-Beach Soccer niżlet ix-Xatt ta’ Tas-Sliema wkoll!

Iddeskrivi l-esperjenza passata tiegħek fil-futbol ma’ Sliema Wanderers FC u din kemm tgħinek fil-beach soccer.

Tgħallimt ħafna mill-esperjenza tiegħi mal-Wanderers. Bhal ma’ wiehed jista jobsor, diversi Slimiżi kienu rrabjati li l-klabb tant glorjuż tagħna kien ġie relegat, iżda jien ħassejt li dak kien il-mument fejn verament kelli nkun hemm. Grat immens għall-memorji u l-ħbiberiji li għamilt ma’ diversi persuni. Grat li wkoll qsamt dawn il-memorji sbieħ ma’ kowċ rinomat li minnu tgħallimt ħafna f’diversi aspetti. Aspett minnhom li ġie implikat f’dan l-istaġun tal-Beach Soccer, huwa l-għaqda.

X’tikkummenta fuq il-livell tal-beach soccer f’pajjiżna?

Gradwalment diversi plejers tal-beach soccer qegħdin jitjiebu. Fuq livell Internazzjonali naħseb li għadna ftit lura, iżda dan jaf jiġi wkoll minħabba nuqqas ta’ popolaritá ta’ dan l-isport f’pajjiżna, li hija ħasra.

U rigward ir-rizorsi jiġifieri fejn tilagħbu l-beach soccer fil-Bajja s-Sabiha f’Birzebbugia?

Ir-riżorsi naħseb li jista jkunu aħjar. Biex nkomplu ngħollu l-livell ta’ dan l-isport f’pajjiżna, wieħed għandu jikkonsidra l-manutenzjoni regolarment, kif ukoll jesplora possibiltaijiet biex anke jiżdiedu l-pitches pubbliċi fejn wieħed iżur.

Kif qed tħares lejn il-futur tieghek fl-amministrazzjoni tal-beach soccer?

Din kienet biss it-tieni sena tiegħi fil-beach soccer. Minkejja diversi impenji oħra bħan-negozji u l-Kunsill Lokali, dejjem se nkompli nirsisti għall-ġid ta’ kull klabb sportiv Slimiż. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jilgħab il-beach soccer.

Inħeġġiġhom bi ħġari. Apparti li huwa sport eċċitanti u intensiv, diversi jinsew il-fatt li huwa wkoll jservi bħala ‘pre-season’ tajjeb għal qabel l-istaġun tal-futbol. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport