Monday, July 21, 2025

‘Dan kien mument storiku għall-handball Malti fejn kellna l-opportunitá nikkompetu kontra l-aqwa timijiet tal-Ewropa fil-Kamjonat Ewropew tal-Beach Handball’ – Christian McClean

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-handball?

Mindu kont tifel żgħir dejjem kont sportiv fejn ikkompetejt f’diversi sports fuq livell ta’ Skola. Kien hemm li doqt il-handball għall-ewwwel darba iżda kien fl-etá ta’ 16-il sena li waqaft mill- futbol ma’ San Ġwann FC u bdejt nilgħab fl-ewwel kampjonat nazzjonali tal-handball ta’ taħt is-16 is sena fit-tim immexxi minn John Falzon. Dak kien iż-żmien li ddeċidejt li nikkommetti għal din il-logħba li tant sirt inħobb. 

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. X’tikkummenta fuq l-aħħar success li kiseb it-tim nazzjonali tal-beach handball, li tiegħu int ukoll il-captain, barra minn xtutna?

Dan kien mument storiku għall-handball Malti fejn kellna l-opportunitá nikkompetu kontra l-aqwa timijiet tal-Ewropa fil-Kamjonat Ewropew tal-Beach Handball. Fil-grupp tagħna kien hemm iċ-Champions tad-Dinja il-Kroazja u l Viċi-Champions, id-Danimarka. It-tim tagħna wera progress siewi tul it-tournament fejn konna viċin li nirbħu set kontra l-Bulgarija u r- Repubblika Ċeka. Dan kien frott xogħol ta’ ħafna nies tul perijodu ta’ għaxar snin, fosthom kowċis u uffiċjali tal-Malta Handball Association (MHA), il-Kumiitat Olimpiku Malti (MOC), plejers u oħrajn. Diffiċli biex issemmihom kollha, iżda nixtieq insemmi lil Adam Sule’, uffiċjal li kien strumentali għal din il-mixja.

Kif tqis il-livell tal-handball lokali fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Il-livell tal-handball lokali għamel progress tul dawn l-aħħar 30 sena kemm fil-livell ta’ plejers, kowċis u amministraturi. Iżda biex ikompli jitjieb il-handball lokali hemm bżonn ta’ iktar investiment f’postijiet ta’ taħriġ minħabba r-raġuni li l-indoor sports kollha jridu jużaw l-istess faċilitajiet. Meta niġu għall-beach handball din kienet sfida ikbar minħabba li l-maġġoranza tas-sessjonijiet ta’ taħriġ jsiru fuq bajjiet pubbliċi fejn kollox jiddependi fuq il-koperazjoni tal- pubbliku biex tuża l-ispazju għat-taħriġ. Meta tikkkompara ruħek ma’ pajjiżi oħrajn li nikkompetu kontrihom, ħadd minnhom ma jkollu din il-problema.

U dak tar-riżorsi (courts) fejn tilagħbu l-logħob tal-kampjonat tagħkom?

Kif semmejt qabel dan dejjem kien ta’ sfida għall-‘indoor handball’ lokalment, u anke għall- ‘beach handball’. Minħabba l-limitazzjonijiet fil-faċilitajiet tat-taħriġ, ġeneralment insibu ruħna f’sitwazzjoni fejn ikollna bżonn narmaw u nżarmaw il-‘court’ ġo bajja pubblika. F’dawn il-bajjiet mhux biss insibu sports oħra li jkunu qed jagħmlu bħalna, iżda hemm ukoll il-pubbliku ġenerali li, b’mod ġust, ma jkunx irid jiċċaqlaq minn fejn ikun qiegħed jistrieħ fuq il-bajja.

L-investiment f’iktar beach courts, bħal dak f’Birzebbugia, żgur li jwassal għal tnaqqis f’din is-sitwazzjoni. Dan huwa speċjalment importanti meta wieħed iqis li llum il-ġurnata ħafna beach sports jipparteċipaw regolarment f’kompetizzjonijiet internazzjonali kull sena.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-handball?

Nixtieq nibqa’ attiv bħala plejer u kowċ kemm fl-‘indoor handball’ kif ukoll il-beach handball. L-isport dejjem kien parti importanti minn ħajti u nemmen li tani ħafna iktar milli stennejt. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-handball.

Il-messaġġ tiegħi huwa li tipporva tuża r-riżorsi kollha biex ittejjeb il-livell tiegħek bħala atleta. Ilum il-ġurnata hemm hafna possibilitajiet biex titgħallem. U l-aħħar ħaġa biex ikunu konsistenti fit-taħriġ, sa fejn ikun possibli!

Nixtieq nintemm billi nirringrazzja il familja tieghi specjalment il marti Joanne u it tfal tieghi Elijah u Ezra tas sapport li dejjem jtuni, il genituri li qatt ma cahduni li nipprattika lisport u lil Alla tas sahha li tani biex adni qed nilghab.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport