Sunday, December 22, 2024

Dan kien mument storiku għall-klabb tagħna ta’ Swieqi Phoenix – Christian McClean

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-handball?

Minn mindu kont tifel żgħir dejjem kont sportiv fejn ikkompetejt f’diversi sports fuq livell ta’ skola. Kien hemm li doqt il-handball għall-ewwwel darba iżda kien fl-etá ta’ 16-il sena li waqaft mill-futbol ma’ San Ġwann FC u bdejt nilghab fl-ewwel kampjonat nazzjonali ta’ taħt is-17-il sena fit-tim immexxi minn John Falzon. Dak kien iż-żmien li ddeċidejt li nikkommetti ruħi għal din il-logħba li tant sirt inħobb. Fil-fatt dan l-istaġun huwa t-23 wieħed tiegħi, jekk qed noqgħod tajjeb.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala plejer f’dan l-isport u l-unuri li rbaħt.

Tul dan iż-żmien twil, l-esperjenzi kienu ħafna. Kien żmien fejn tgħallimt ħafna minn diversi nies bravi li kont imdawwar bihom. Ikkompetejt fuq livell lokali u anke internazzjonali mat-tim nazzjonail tal-indoor handball kif ukoll tal-beach handball. Niftakar b’mod nostalġiku ċ- Challenge Trophy tal-2009 fejn ksibna l-midalja tal-fidda ġol Padiljun tal-Imsida, kif ukoll il- Miediterranean Beach Games ta’ Pescara tal-2015 fejn ksibna l-ewwel rebħiet tal-beach handball għal pajjiżna kontra l-Albanija u l-Alġerija. Perjodu speċjali kien ukoll dawn l-aħħar ħames snin għalija u għat-tim tagħna tal-Phoenix, fejn mhux biss irbaħna erba’ kampjonati mill-aħħar ħames staġuni imma wkoll konna nominati għat-Tim tas-Sena, fejn għandna rekord ta’ 83 rebħa in fila.

Bħala plejer, dan kien l-għaxar kampjonat personali tiegħi bil-kampjonati l-oħrajn li rbaħt ma’ timijiet oħra.

Fuq livell individwali fil-kategorija tal-kbar lokalment kont rebbieħ tal-Plejer tas-Sena kif ukoll tal-aqwa skorer tal-kampjonat nazzjonali fi tliet staġuni differenti. Irbaħt diversi unuri oħrajn fil-youth u junior league categories.

Minbarra plejer, illum inti Head Coach ta’ San Andrea Phoenix Handball u Gozo Handball Academy. Xi tgħidli dwar dan?

San Andrea Phoenix Handball kif ukoll Gozo Handball Academy huma zewg proġetti li kienu ħolma u saru realtá, grazzi għal Phoenix Sports Club u San Andrea School. L-imħuħ wara dawn kienu l-fundaturi tal-klabb Orlando Bonnici u Clinton Mifsud li bix-xogħol kontinwu tagħhom, irrnexxielna noffru handball lit-tfal ta’ San Andrea School u anke lit-tfal Għawdxin.

Il-proġett tal-Gozo Handball Academy joffri handball għal tfal mill-etá tal-Kinder sa dak ta’ skola sekondarja. It-tir tal-klabb huwa li sa ftit snin oħra jkollna tim minn Għawdex li jikkompeti fil-kampjonat nazzjonali wkoll.

X’tikkummenta fuq l-aħħar rebħ tal-kampjonat minn Swieqi Phoenix Handball Club?

Dan kien mument storiku għall-klabb tagħna.Grazzi għal xogħol siewi tal-kumitat tagħna u bid-dedikazzjoni tal-plejers u kowċis, irnexxielna nagħmlu xi ħaġa li dehret diffiċli fil-bidu tal- istaġun. Kien staġun fejn tlifna ħafna plejers validi kif ukoll kellna injuries ta’ plejers prominenti mit-tim tagħna. Intemm ngħid li dan il-kampjonat kien probabilment l-iktar wieħed diffiċli u kumbattut anke minħabba li l-livell tat-timijiet kollha kien kważi l-istess.

X’taħseb li kien is-sigriet ta’ dan is-suċċess?

Ma kien hemm l-ebda sigriet. Xogħol u dedikazzjoni kontinwu mill-klabb tagħna ta’ Swieqi Phoenix HC.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?

Bil-mod il-mod, ir-riżorsi qed jitjiebu. Illum il-ġurnata għandna padiljun ġdid fejn nittrenjaw ġol-Hamrun grazzi għal SportMalta, minbarra l-Padiljun tal-Universitá. Jibqa’ l-fatt iżda li hemm bzonn ta’ iktar padiljuni biex it-timijiet Maltin ikunu jistgħu jittrenjaw iktar ta’ spiss matul il-ġimgħa u jkomplu jtejbu l-livell tagħhom.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport li tant tħobb?

Nixtieq nibqa’ attiv bħala plejer u anke bħala kowċ, speċjalmet fil-livell tal-juniors. Illum b’żewġt itfal huwa iktar diffiċli, imma nemmen li fejn hemm ir-rieda, kollox jirnexxi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-handball.

Il-handball hija logħba veloċi b’ħafna moviment kif ukoll attraenti biex taraha. Bħala klabb noffru taħriġ f’diversi lokalitajiet inkluż f’Għawdex. Tistgħu tikkuntattjawna fuq [email protected] jew [email protected] biex tippruvaw din il-logħba tant sabiħa.

Ekonomija

Sport