Sunday, March 2, 2025

Dan kien tragward storiku għalija – Jesmar Gafa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Fil-jiem li għaddew, il-ġerrej taż-żwiemel Malti, Jesmar Gafa, kiseb tragward storiku fil-‘Coupe Intercontinentale des Amateurs’, tiġrija internazzjonali li tgħaqqad 14-il ġerrej taż-żwiemel minn madwar l-Ewropa. Biex jirrappreżenta lil Malta, Gafa, intgħażel mill-Malta Racing Club biex jikkompeti f’dan l-avveniment prestiġjuż, li sar bħala parti mill-weekend speċjali tat-tlielaq li jwassal għall-Prix d’Amérique rinomat fi Franza.

Gafa saq iż-żiemel numru 10, GUEPARD GRIFF, u ta prestazzjoni eċċezzjonali, fejn kiseb it-tieni post fit-tellieqa kompetittiva. Wara li beda mit-tieni filliera wara l-‘autostart’, Gafa ppożizzjona b’sengħa liż-żiemel tiegħu fuq il-karreġġjata ta’ barra, filwaqt li żamm pass sod. Hekk kif resqu l-aħħar 700 metru, huwa ħeġġeġ lil GUEPARD GRIFF għal sforz akbar. Minkejja l-kompetizzjoni iebsa, l-isforzi tiegħu taw il-frott meta skwalifika fil-klassifika ta’ quddiem mexxietu fit-tieni post.

Il-Ġermaniża Sarah Kube kisbet ir-rebħa ma’ GIZMOGOLD, filwaqt li t-Taljan Matteo Zaccherini spiċċa t-tielet ma’ HUNADORA.

Il-kisba ta’ Gafa timmarka l-aqwa riżultat li qatt inkiseb minn ġerrej Malti f’din il-kompetizzjoni prestiġjuża.

Dan il-ġurnal għamel kuntatt ma’ Gafa nnifsu fejn qalilna li dan kien tragward storiku, fost l-aqwa li qatt kiseb u qed iħares ‘il quddiem għal iktar suċċessi, kemm lokalment kif ukoll barra minn xtutna matul din is-sena kalendarja 2025. Huwa kompla li: “Hu tassew unur inkredibbli li rrappreżentajt lil Malta u għamilt unur lil pajjiżi f’din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża u importanti”. Is-suċċess tiegħu mhux biss jenfasizza t-talent tiegħu iżda wkoll ipoġġi lil Malta soda fuq il-mappa fid-dinja tat-tiġrijiet taż-żwiemel.

Sport