Monday, April 13, 2026

“Dan kien vjaġġ li se nibqa’ ngħożżu tassew”

- Miriam Teuma,Kap Eżekuttiv tal-Aġenżija Żgħażagħ

Aqra wkoll

Titkellem b’mod esklussiv ma’ dan il-ġurnal proprju fl-aħħar intervista tagħha qabel tispiċċa minn din il-kariga fl-aħħar ta’ dan ix-xahar.

Meta twaqqfet l-Aġenzija Żgħażagħ u x’inhu l-iskop ta’ din l-aġenzija?
L-Aġenzija Żgħażagħ twaqqfet ħmistax-il sena ilu bil-għan li taħdem maż-żgħażagħ f’Malta u Għawdex. L-idea minn dejjem kienet waħda ċara: li noħolqu opportunitajiet veri għaż-żgħażagħ, nagħtuhom spazju, appoġġ u direzzjoni, u ngħinuhom jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom fil-ħajja personali, soċjali u anke professjonali.

Għandna għax nifhmu li l-iskemi mħaddma mill-Aġenzija, it-taħriġ kif ukoll proġetti oħra, li minnhom qegħdin jibbenefikaw iż-żgħażagħ, huma bosta. Ikollok issemmilna wħud minnhom, liema huma?
Iva, huma bosta tassew, u din hi xi ħaġa li dejjem kienet għal qalbi ħafna. L-Aġenzija Żgħażagħ tul is-snin bniet ħidma wiesgħa ħafna: għandna youth workers jaħdmu fil-komunità, fil-youth cafes u youth hubs, għandna programmi ta’ tagħlim mhux formali, taħriġ u esperjenzi li jgħinu liż-żgħażagħ jikbru fil-ħiliet u fil-kunfidenza tagħhom kemm fl-iskola kif ukoll barra mill-iskola. 

Għandna wkoll servizzi ta’ informazzjoni għaż-żgħażagħ, appoġġ lil gruppi u għaqdiet taż-żgħażagħ permezz ta’ skemi finanzjarji, inizjattivi marbuta mal-inklużjoni u l-impjegabbiltà, u proġetti kulturali, kreattivi u Ewropej.

Nista’ nsemmi wkoll b’mod partikolari l-Youth Information One Stop Shop li għandu l-European Quality Information Label, il-programm Youth.inc, il-proġetti marbuta mal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u ħafna inizjattivi oħra li jmissu mal-benesseri,  iċ-ċittadinanza attiva u l-iżvilupp personali. Kultant inħoss li l-Aġenzija ma kinitx taħdem 24 siegħa kuljum imma 48 għax meta taħdem maż-żgħażagħ, l-enerġija tagħhom tħossha miegħek.

Xi rwol importanti tara li għandhom iż-żgħażagħ fis-soċjetà tal-lum?
Jiena dejjem ngħid liż-żgħażagħ iġibu magħhom enerġija, ideat ġodda, kuraġġ, kreattività u kultant ukoll mistoqsijiet li l-adulti forsi ma jkunux iridu jisimgħu – imma li s-soċjetà għandha bżonn tisma’. Jekk nagħtu spazju  liż-żgħażagħ u niħduhom bis-serjetà, jistgħu jagħmlu differenza kbira ħafna fis-soċjetà.

L-investiment fiż-żgħażagħ huwa wkoll investiment fil-preżent u l-futur ta’ Malta. X’sostenn qiegħed jagħti l-Gvern minn sena għal oħra f’dan ir-rigward?
Il-Gvern kompla jinvesti b’mod konkret fiż-żgħażagħ permezz ta’ programmi, servizzi, skemi, spazji u inizjattivi li jwieġbu għall-ħtiġijiet tagħhom. Dan l-investiment mhuwiex biss finanzjarju, imma investiment fil-bniedem. Meta tinvesti fiż-żgħażagħ tkun qed tinvesti f’Malta aktar b’saħħitha, aktar ġusta u aktar preparata għall-futur.

Kemm tara li hu essenzjali li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra b’ħiliet li fl-aħħar mill-aħħar iservuhom għal ħajjithom kollha?
Essenzjali immens. Illum mhux biżżejjed li jkollok ċertifikat jew kwalifika. Iż-żgħażagħ għandhom bżonn ħiliet għall-ħajja bħall-komunikazzjoni, il-ħsieb kritiku, il-ħidma f’tim, ir-reżiljenza, il-kunfidenza fihom infushom u l-kapaċità li jadattaw għat-tibdil. Dawn huma ħiliet li jgħinuhom mhux biss biex isibu xogħol, imma biex jgħixu ħajja aħjar u aktar olistika.

Ikollok tgħidilna xi esperjenza partikolari li tibqa’ tiftakar tul il-karriera tiegħek, liema hi?
Hemm ħafna mumenti li nibqa’ nġorr miegħi, imma żgur wieħed mill-aktar speċjali kien il-ftuħ uffiċjali tal-Aġenzija Żgħażagħ. Dak kien mument li baqa’ mmarkat fija, għax kien il-bidu ta’ servizz li qabel ma kienx jeżisti.

Inħossni tassew privileġġjata li ġejt fdata biex niżviluppa din l-aġenzija mill-bidu u biex naħdem ukoll favur l-iżvilupp,  ir-rikonoxximent u l-projezzjoni tal-youth workers u tal-youth work f’pajjiżna.

Nibqa’ niftakar ukoll it-tbissima taż-żgħażagħ fit-tmiem ta’ kull programm li nedejna u komplejna. Dawn huma l-affarijiet sbieħ li jibqgħu miegħek – meta tara li xi ħadd spiċċa esperjenza  b’aktar enerġija, aktar fiduċja jew forsi b’aktar tama. 

U żgur ma ninsiex il-Konferenza tal-Ministri responsabbli miż-żgħażagħ, li reġgħet saret wara 13-il sena proprju f’Malta waqt il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa. Dak kien mument sabiħ immens għax jien kont il-mutur biex npoġġi liż-żgħażagħ fuq quddiem fl-Ewropa.


U biex nagħti naqra kulur, ngħidlek hekk: meta taħdem maż-żgħażagħ titgħallem malajr li tista’ tippjana kollox perfettament fuq il-karti, imma mbagħad huma jfakkruk li l-ħajja vera dejjem ikollha ideat aħjar u b’mod naturali l-affarijiet jinbidlu u jsiru aktar interessanti u nnovattivi.  

Issa li dalwaqt tispiċċa minn din il-kariga, x’tixtieq tara aktar fost iż-żgħażagħ?
Nixtieq nara aktar trankwillità, aktar ferħ, aktar bilanċ u enerġija pożittiva.

Nixtieq nara żgħażagħ li jgħixu b’mod olistiku, li jieħdu ħsieb lilhom infushom, li jkollhom sens ta’ direzzjoni u li ma jaqgħux fl-apatija. Nixtieq nara aktar tama, aktar kunfidenza u aktar twemmin fihom infushom.

Fl-aħħar iżda mhux l-inqas, x’messaġġ tixtieq twassal lill-qarrejja ta’ dan il-ġurnal fosthom anke liż-żgħażagħ? 

Il-messaġġ tiegħi hu wieħed sempliċi: gawdu ż-żogħżija tagħkom. Tgħaġġlux wisq. Id-dinja ma saritx f’daqqa, u lanqas il-problemi tal-ħajja ma jistgħu jiġu  solvuti kollha f’ġurnata. Ħallu spazju biex tikbru, biex toħolmu u tagħmlu l-iżbalji, għax l-iżbalji jgħallmuna aktar minn kollox.


U f’din l-aħħar intervista tiegħi bħala Kap Eżekuttiv tal-Aġenżija Żgħażagħ, nixtieq ngħid grazzi mill-qalb lil dawk kollha li ħadmu miegħi fl-Aġenzija Żgħażagħ tul dawn is-snin – nies ta’ impenn, dedikazzjoni u qalb kbira.

Grazzi wkoll liż-żgħażagħ kollha li ltqajt magħhom, li tawni l-enerġija, l-ispirazzjoni u l-ħajja matul dan il-vjaġġ memorabbli. Dan kien vjaġġ li se nibqa’ ngħożżu tassew!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport