Sunday, December 22, 2024

“Dan kollu juri l-istat degradanti li qiegħda fih il-lokalità”

Carlos Zarb, Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Talk.mt wassal l-ilmenti rigward s-sitwazzjoni fil-lokalità lill-Viċi Sindku tal-Kunsill ta’ San Pawl il-Baħar, Carlos Zarb, li bħal dejjem jikkopera għall-ġid tal-lokalità li huwa wiegħed li se jaħdem għaliha u għar-residenti tagħha. Min-naħa tiegħu huwa kien għadu ma jafx b’din il-problema f’din it-triq partikolari minħabba li kif qal huwa stess, “Triq it-Turisti fin-naħa tal-knisja hija żona pjuttost nadifa”. Fl-istess waqt, imma, ikkonferma li hija waħda ta’ tħassib serju u ħass l-urġenza li immedjatament jagħmel kuntatt ma’ Tas-Sanità biex jaraw x’jistgħu jagħmlu ħalli din tkun indirizzata mill-ewwel.

Zarb, filwaqt li spjega li bħala Kunsill l-iktar li jistgħu jagħmlu huwa li jgħaddu din il-problema lil tas-Sanità, sostna li, “dan kollu juri l-istat degradanti li qiegħda fih il-lokalità. Problema bħal din mhiex se tiġri mil-lum għal għada u turi l-livell għoli ta’ skart li qiegħed ikun hawn. Affarijiet hekk ma jiġrux mix-xejn,” sostna dan il-Viċi Sindku.

Mistoqsi jekk jaħsibx li l-qtates fit-toroq kif kienu dahri kienu jżommu ċertu bilanċ, Zarb irrisponda, “dik iva. Mingħajr ma ninftiehem ħażin jew negattiv, ir-realtà hija li l-qtates fit-toroq illum il-ġurnata huma mitmugħa sew. Allura dawn mhux se jkollhom għalfejn jikkaċċjaw ġrieden. Ġew kważi qishom annimal domestiku. Dak huwa element wieħed. Imbagħad hemm il-fattur li l-ikel tal-qtates per se jġib ħafna ġrieden minħabba li jħalluh hemmhekk u jibda jinten. Fuq hekk daħlulna rapporti u rajthom jiena stess jieklu dan l-ikel. Rajt b’għajnejja personali tlett iġrieden f’Port Roman jiekluh. F’din iż-żona tifhimha li hemm il-ġrieden għax għandek l-għelieqi”.

Il-Viċi Sindku ta’ San Pawl temm jgħid li kawża oħra hija dik tal-iżvilupp qawwi li hawn f’din iż-żona fejn qabel kien kollu għelieqi li fihom jgħixu l-ġrieden u issa dawn kollha kellhom jinġabru f’żona waħda u limitata ferm. 

“Fl-istess żvilupp”, innota Carlos Zarb, “qegħdin jiftħu l-kanen tad-drenaġġ u l-katusi li minnhom jgħaddu ħafna ġrieden. B’hekk, meta wieħed iqis kollox u jara s-sitwazzjoni preżenti, il-problema tal-ġrieden hija reali u għandha tkun indirizzata llum qabel għada”.

Ekonomija

Sport