Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Niftakar meta kelli biss erba’ snin iz-ziju kien ħadni sal-Pjazza ta’ Ħ’Attard biex nara l-finali tat-Taza tad-Dinja tal-2006 mirbuħa mill-Italja. Dan il-mument mhux biss ħoloq l-imħabba tremenda li għandi għat-tim nazzjonali Taljan imma wkoll kien mument li ta’ tifel żghir irrealizzajt kemm xtaqt nagħti sehemi fid-dinja tal-futbol.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ St George’s FC.
L-esperjenza li ninsab fiha ma’ St. George’s FC hija waħda ferm sabiha. Mill-mument li tħabbret il-firma tiegħi mal-klabb, inġbart ġo familja kbira b’ambizzjoni, kulturá tad-deheb u partitarji mill-aqwa.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
L-istaġun li għadda nista’ ngħid li kien wieħed mimli lezzjonijiet li se nibqa’ nġorr miegħi mhux biss għal tul tal-karriera tiegħi imma wkoll għal ħajti kollha. Sfortunatament, ma wasalniex għad-destin tagħna li kien biex nitilgħu promossi fin-National Amateur League
Peró, kellna staġun fejn irbaħna logħbiet importanti u għaddejna minn esperjenzi li jservu biss ta’ tagħlim għal dan l-istaġun il-ġdid.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Dan l-istaġun huwa wieħed li jien inħoss se jkun speċjali għalina bħala St George’s FC. Mhuwiex sigriet lejn it-timijiet fil-kampjonat magħna li aħna lesti li nagħtu kollox sabiex niġu promossi fl-2026. Bil-ħidma, dedikazzjoni u dixxiplina ta’ kulħadd li jifforma parti mill-klabb, jiena nemmen li din ix-xewqa għandha ssir realtá din is-sena.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Santa Venera Lightnings FC, u kemm tgħallimt minnha?
Iż-żmien tiegħi mal-klabb ta’ Santa Venera Lightnings qatt ma ninsieh. Dan huwa minħabba l-fatt li ma’ Santa Venera rnexxieli niddebutta mat-tim tal-kbar għall-ewwel darba fil-karriera tiegħi. B’hekk dejjem nixtieq nirringrazzja lill-klabb Vendriż għat-twemmin tiegħu fija bħala plejer kif ukoll bħala captain tal-klabb fil-passat.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Ninsabu fi żmien ta’ bidla fil-futbol Malti. Il-klabb tal-Hamrun irnexxielhom isiru l-ewwel tim Malti fl-istorja ta’ pajjiżna li jidħlu fil-fażi tal-gruppi tal-UEFA Conference League. Dan il-mument huwa wieħed tad-deheb għax għandu jimmotiva l-klabbs u l-plejers Maltin li għandhom jilħqu dawn il-kompetizzjonijiet domestiċi bil-ħidma tagħhom.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Bħala riżorsi, inħoss li l-MFA dejjem tista’ tagħmel aħjar sabiex ċerti injuries minn grawnds ta’ kundizzjoni ħażina jkunu evitati. L-MFA għandha r-responsabbilta li tieħu ħsieb dawn l-affarijiet għax sfortunatament hija ferm komuni għall-plejers li jweġġgħu minħabba l-istat tal-grawnds Maltin.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Bħala plejer ta’ 23 sena, jiena verament sodisfatt bil-karriera tiegħi s’issa. Wara 14-il sena fl-akkademja ta’ Luxol St Andrew’s, jien inħoss li kbirt ħafna fil-kwalitajiet tiegħi fuq il-pitch u anke l-esperjenzi li għaddejt minnhom sabiex insir il-plejer li jtejjeb il-logħba tiegħu minn staġun għall-ieħor.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi lejn dawk li jaspiraw li jsiru futbolers huwa dan: Ħudu gost, kunu lesti li tagħmlu ħafna żbalji u sagrifiċċji, għax mingħajrhom ma timxux fil-futbol, u dejjem ipprattikaw it-talenti tagħkom!