Wednesday, April 23, 2025

Dan l-istaġun kien wieħed speċjali għal Tarxien Rainbows – Matthew Tabone

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

L-imħabba tiegħi lejn l-isport bdiet minn missieri. Missieri kien plejer tal- basketball u minn ta’ etá żgħira ħafna kont dejjem immur nara l-logħob tiegħu u ġieli anke t-taħriġ. Inħares lura nemmen li l-element kompetittiv ġo fija ġie minn hemm. Eventwalment kont nipprattika iż-żewġ sports li huma, kemm tal- basketball u anke tal-futbol, peró, kien hemm żmien fejn kelli nagħżel u dak iż- żmien kont għażilt li nkompli bil-logħba tal-futbol.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek bħala captain ta’ Tarxien Rainbows FC?

Issa ili 11-il sena mal-klabb ta’ Ħal Tarxien. Ħdax-il sena fejn kien hemm kemm suċċessi u anke diżappunti. Peró, xi ħaġa li qatt ma nbidlet f’dan il-klabb huma l-valuri u l-prinċipji. Ilni captain ta’ dan it-tim għal dawn l-aħħar sitt snin u xi ħaġa li dejjem emfasizzajt huwa li nibqa’ nġorr dawn il-prinċipji li kien bdiehom il-captain ta’ qabli, Manuel Caruana. Dawn huma li dejjem ikun hemm rispett u għaqda ġewwa d-dressing room, u ladarba tilbes il-flokk ta’ Tarxien Rainbows FC, dejjem ħa tagħmel minn kollox biex tirbaħ.

X’taħseb li kien is-sigriet tas-suċċess għall-kisba tal-promozzjoni għall-Malta Premier mill-BOV Challenge League?

Dan l-istaġun kien wieħed speċjali għal Tarxien Rainbows FC. Konna għadna ġejjin minn staġun li għall-klabb bħal Ħal Tarxien jista’ jissejjaħ wieħed diżastruż fejn konna spiċċajna fl-għaxar post fil-klassifika. Ħadd ma kien qed iqisna bħala tim li jista’ jieħu l-promozzjoni. Peró, ħdimna fil-kwiet u flimkien mal-istaff tekniku kollu mmexxi mill-kowċ Jacques Scerri u t-team manager Dillon Mercieca u l-viċi-captain tat-tim, Brandon Muscat,  li ilu jaħdem ma’ dan it-tim għal snin twal, irnexxielna nibnu għaqda ġewwa l-klabb li żgur li kienet is- sigriet tas-suċċess ta’ dan l-istaġun. Hawnhekk ma nistax ma nsemmix l-għajnuna tal-president, Anthony Cassar, li dejjem kien hemm għalina u mingħajru żgur li l-promozzjoni ma kinitx isseħħ. L-aħħar u mhux l-inqas il-partitarji tal-klabb li dejjem baqgħu wara t-tim, anke fi żminijiet diffiċli.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Ifhem, bħal kollox fil-ħajja, l-isport u l-futbol f’Malta evolva u nista’ ngħid li tjieb. Illum il-ġurnata, bis-saħħa kemm tat-titijib tal-kowċing sirna naraw logħba ħafna aktar dixxiplinata u wkoll nemmen li ż-żgħażagħ li telgħin qed ikunu kemm fiżikament kif ukoll teknikament tajbin ħafna. Hemm ukoll l-element tal-plejers barranin li meta jkun hemm tim li jġib barranin tajbin, dejjem naraw żieda fil-livell. Peró, hemm hafna elementi fl-isport li nemmen li rridu nagħtu kas u ma naħsbux li mbilli ndaħħlu aktar barranin fil-logħba tal-futbol ifisser li ħa nagħmlu l-mirakli.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u tilagħbu l-loghob kompetittiv tagħkom?

Sfortunatament, ma tantx nista’ nikkummenta fuq il-grawnds li nilagħbu fihom. Ir-realtá hi li l-MFA tipprova l-aħjar li tista’, imma jibqa’ l-fatt li aħna pajjiż limitat fir-riżorsi u jkollna noqgħodu għal dawk li għandna. Ovvjament, huma ‘l bogħod mill-ideali, anke bl-ammont ta’ logħob li jintlagħab fl-istess grawnds kull tmiem il-ġimgħa.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Ma nħobbx nitkellem fuq il-futur tiegħi, peró, nitkellem fuq il-preżent. Bħalissa qiegħed kuntent fejn qiegħed u bħal dejjem ħa nibqa’ nittrenja b’serjetá kbira biex nibqa’ nżomm il-livell u nilgħab kemm nista fl-ogħla livell li nista’. Dħalt ukoll fix-xena tal-kowċing jiġifieri li hemm żgur huwa li l-futur tiegħi ħa jkun wieħed ta’ futbol għal ħafna snin oħra.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ success fil-futbol.

Jekk trid karriera fil-futbol, importanti li tkun lest għall-karriera ta’ dedikazzjoni u sagrifiċċju enormi. Fil-karriera tal-futbol, tesperjenza ħafna aktar diżappunti milli suċċessi u allura trid tkun b’saħħtek mentalment biex tegħleb kull ostaklu sakemm fl-aħħar jiġu dawk is-suċċessi tant mixtieqa!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport