Thursday, November 13, 2025

‘Dan l-istaġun qegħdin aħjar mill-istaġun ta’ qabel u qegħdin inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu peró b’saqajna mal-art’ – Joe Carbonaro

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdejt mal-klabb meta kelli 16-il sena … dawk iż-żminijiet ma kienx hawn nurseries. Lgħabt tliet staġuni mal-Minors ksibna l-promozzjoni u l-aħħar sena bdejt mat-tim tal-kbar u anke ġejt ippremjat bħall-ewwel minor li rbaħt Plejer tas-Sena tal-klabb.

Mat-tim tal-kbar kelli x-xorti li nkun ukoll fit-tim meta rbaħna promozzjonijiet għat-Tieni Diviżjoni u anke meta rbaħna l-kompetizzjoni tan-Knock-Out. B’kollox domt nilgħab 13-il staġun ma’ Santa Venera Lightnings FC. 

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president ta’ Santa Venera Lightnings FC.

Meta l-eks president tal-klabb laħaq Sindku ta’ Santa Venera, dan ma setax ikompli bħala president tal-klabb.

Jien ir-rwol tiegħi fin-Nursery kienet dik ta’ Amministratur fejn ġejna infurmati li jekk ma jkunx hemm min joħroġ għall-kumitat se jxolju l-klabb.

Sar qbil li ħamsa minn Nursery jkunu fiż-żewġ kumitati. Ħamsa oħra jibqgħu man-Nursery kif ukoll mal-kbar ikun hemm ħamsa oħra. B’hekk f’kull kumitat inkunu hemm 10 membri kull naħa.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Proprju matul dawn il-jiem qed tiċċcelebraw it-80 sena anniversaju mit-twaqqif tagħkom bħala klabb. X’hemm skedat bħala attivitajiet?

L-1945 kienet is-sena meta beda dan il-klabb. Il-kumitat ta’ qabilna kien applika għal skema biex jiġi rranġat id-dawl tal-klabb. Aħna komplejna warajhom billi l-ewwel irranġajna isfel fejn hemm il-bar u llum komplejna fuq, biex hekk issa għandna l-klabb minn ġewwa lest. Li jmiss hu li  nirranġaw il-faċċata. Hawn nixtieq nirringrazzja lis-Segretarju Parlamentari Onor. Keith Azzopardi Tanti li applikajna għall-fondi fil-Ministeru tiegħu. Għalhekk issa li tliet proġetti minn erbgħa ppjanati lestejnihom, intgħażlet il-15 ta’ Novembru fil-ġimgħa Vendriża biex niċċelebraw it-80 sena Anniversarju mit-twaqqif tiegħu.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa? X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?

L-istaġun li għadda kien wieħed iebes ħafna dwar kollox, peró meta nħarsu lura niftakru li bdejna minn isfel nett u llum nistgħu ngħidu li rnexxielna b’għaqal u ħidma ta’ sħabi fil-kumitat u oħrajn li ġew jgħinuna nibnu għal dan l-istaġun. Illum għandna kumitat akbar, ħabrieki u finanzi li nistgħu naħdmu tajjeb ukoll. Dan l-istaġun qegħdin aħjar mill-istaġun ta’ qabel u qegħdin inħarsu ‘l quddiem b’ottimiżmu peró b’saqajna mal-art għaliex għad fadal ħafna x’nagħmlu flimkien biex naslu għall-objettiv tagħna.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Jamie Pace?

Dwar Jamie Pace bħala kowċ, Jeffrey Chetcuti u Renato Conceicao assistenti għandna trio formidabbli. Flimkien magħhom hemm Kurt James bħala Team Manager li qegħdin jaħdmu qatigħ sabiex dan l-istaġun ma nerġgħux ngħaddu minn staġun ieħor bħall-istaġuni li għaddew u nippreparaw skwadra għall-futur. Aħna lkoll nemmnu li kapaċi naslu flimkien. Nemmnu li fl-istaġuni li ġejjin inkunu ferm aħjar minn fejn bdejna.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti nbidel bħal kullimkien. Il-logħba nbidlet ħafna u ovvjament inbidel kollox ukoll. Grawnds ma bqajniex nilagħbu fuq art iebsa, kowċis kwalifikati, plejers u kowċis barranin u ħafna aktar. Ovvjament anke finanzi telgħu ukoll. L-aqwa ħaġa hi li ma niġrux u nibqgħu saqajna mal-art dejjem.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Messaġġ li nixtieq ngħaddi, li nawgura u nirringrazzja lil żewġ kumitati li fil-ħin liberu tagħhom jagħtu ħinhom lill-klabb. Nawgura lil Vendriżi f’ din il-ġimgħa Vendriża u bix-xieraq li nagħlqu ġimgħa ta’ ċelebrazzjoni ta’ wieħed mill-eqdem assoċjazzjoni Vendriża tar-Raħal għażiż tagħna.

Grazzi lil kull min jgħin lil dan il-klabb tant għażiż għalina!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport