Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Il-futbol bdejt nilgħabu minn etá żgħira ta’ tliet snin, u minn żgħir l-imħabba u l-passjoni tiegħi lejn il-futbol dejjem baqgħet tikber. Il-futbol tista’ tgħid li huwa biċċa kbira minn ħajti.
Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Vittoriosa Stars FC.
Mill-ewwel ġurnata ta’ taħrig ma’ Vittoriosa Stars FC ħassejtni milqugħ minn sħabi kollha l-plejers u kull membru ta’ din il-familja magħquda u sabiħa. L-ambjent huwa sabiħ ħafna u hemm għaqda kbira.
X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-istaġun li għadda?
Is-sena l-oħra Vittoriosa Stars FC kisbu l-promozzjoni għaċ-Challenge League bi plejers tajbin u nemmen li bl-akkwisti l-ġodda li għamilna komplejna nsaħħu t-tim biex ikollna staġun kompetittiv f’din id-diviżjoni.
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Dan l-istaġun qegħdin naħdmu biex ikollna tim b’saħħtu li kapaċi jagħti logħba lil kulħadd. L-għan tagħna hu li nibqgħu magħqudin u nimxu logħba b’logħba.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Il-livell tal-futbol Malti qiegħed jogħla sena wara sena u l-kompetizzjoni f’kull divizjoni dejjem qiegħda tikber.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Ir-riżorsi kemm bħala Vittoriosa Stars FC qegħdin jitjiebu filwaqt li bħalissa qiegħed isir grawnd ġdid fejn nitħarrġu, kif ukoll fejn nilagħbu l-logħob kompetittiv tagħna fiċ-Challenge League qegħdin jieħdu ħsieb biex kemm jista’ jkun ikunu fl-aħjar stat għalina l-plejers.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?
Il-karriera tal-futbol hija waħda sabiħa iżda tirrikjedi s-sagriffiċji tagħha. Mingħajr dawn is-sagrifiċċji hija iebsa biex ikollok karriera ta’ suċċess. Importanti li tibqa’ professjonali u lest li taħdem, tirsisti u tara fiex tista’ titjieb kuljum bħala plejer kif ukoll taċċetta kritika u tkun lest li dejjem titgħallem minn ta’ madwarek.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-għan tieghi huwa li nkompli naħdem u nirsisti biex nikber bħala plejer u nerġa’ nilgħab fl-ogħla diviżjoni ġewwa pajjiżi, kif ukoll li nilbes il-flokk tat-tim nazzjonali Malti.