Thursday, May 15, 2025

Dan l-istaġun żgur li se jibqa’ wieħed memorabbli – Christina Curmi  

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt il-basketball fost tant sports ieħor?

Meta kont żgħira l-ġenituri tiegħi ħaduni biex nipprova sports differenti, imma peress li ommi kienet ukoll tilgħab il-basketball, għażilt il-basketball u bqajt nikkonċentra fuqu biss.

Hemm xi partita jew partiti li tibqa’ tiftakarhom iktar minn oħrajn fil-karriera tiegħek sa issa?

Kull logħba għandha l-memorja tagħha u tiġbor fiha emozzjonijiet kbar. Jekk naħseb ftit fil-fond, naħseb li hemm tliet partiti li nibqa’ niftakarhom u li diffiċli ninsihom. L-iktar waħda riċenti kienet dik meta rbaħna l-kampjonat fil-ħames logħba tal-istaġun 2018/2019. Qabel ma bdiet il-logħba kellna aħbar xejn sabiħa li l-aqwa player tagħna kienet weġġgħet u għalhekk ma setgħetx tieħu sehem f’din il-partita. Fl-istess waqt, f’mument minnhom kellna l-player barranija tagħna li ġiet imkeċċija. Kien għad jonqos tmien minuti u aħna bħala grupp għamilna minn kollox biex nibqgħu kumpatti u nżommu l-konsistenza li konna qbadna. B’xorti tajba, irnexxielna niksbu dak li ridna iġifieri l-kampjonat.

Niftakar ukoll żewġ partiti oħra meta kont qed nilgħab mat-tim nazzjonali Malti fejn irnexxieli nirbaħ żewġ midalji tad-deheb. F’waħda minn dawn il-logħbiet storiċi, konna 17-il punt minn taħt sat-tielet sessjoni iżda mbagħad għamilna sforz kollettiv biex dawwarna l-iskor favurina.

Dawn xorta jibqgħu l-favoriti imma kull logħba hija storja differenti.

Li jkollok tiddeskrivi l-aħħar staġun għat-tim tiegħek, Starlites Naxxar GIG, kif tiddeskrivieh?

Dan l-istaġun kien wieħed differenti, kellna tibdil kbir fit-tim, għax tlieta mill-plejers mill-istaġun li għadda telqu u kellna kowċ ġdid. Nammetti li fil-bidu ta’ dan l-istaġun kont inċerta sa fejn nistgħu naslu. Dan l-istaġun żgur li se jibqa’ wieħed memorabbli. Fil-bidu tal-istaġun niftakar kemm lil Ivan Riolo kif ukoll il-kowċ iċempilli u l-għan ewlieni tagħhom kien li jkunu kompetittivi wara li kienu tilfu tliet plejers ewlenin fit-tim. B’tim ġdid, kowċ ġdid, bil-mod il-mod bnejna pass pass u rnexxielna naslu sal-ħames logħba tal-finali li għal ħafna kienet xi ħaġa inkonċepibbli. Fil-bidu tal-istaġun ħadd minna ma kien jaħseb li konna se naslu s’hawn u konna ftit ’il bogħod mir-rebħ tat-Tazza fil-ħames logħbiet ta’ sensiela divertenti! Madankollu prosit lil Depiro li ġġieldu bis-sħiħ matul dan l-istaġun kollu u għamluha divertenti għall-ispettaturi! Issa qed nistenna bil-ħerqa ftit mistrieħ mill-basketball.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xogħol tiegħek, u mat-taħrig u l-logħob li jkollok? 

Mindu kont żgħira l-ġenituri tiegħi qatt ma tawni xi kastig li ma kontx immur għat-taħriġ, għax għalihom l-impenn u t-taħriġ kien meqjus importanti daqs l-iskola. Tgħallimt inqassam il-ħin tiegħi, biex inkun nista’ mmur l-iskola, it-taħriġ u anke biex inkompli nistudja. Dan issa napplikah għax-xogħol tiegħi; naħdem il-ġurnata u wara mmur it-taħriġ.

X’kienu l-esperjenzi li kellek mat-tim nazzjonali tal-basketball?

Jien irrappreżentajt lit-tim nazzjonali Malti f’diversi okkażjonijiet u f’kategoriji differenti. Kull esperjenza ngħożżha sal-lum il-ġurnata u ninsab kburija għal kull logħba li ħadt sehem fiha. Jien ngħid li meta int tilbes il-flokk tat-tim nazzjonali Malti, għandek responsabbiltà kbira.

Issa għandi wkoll esperjenza bħala team manager, fejn kelli ċ-ċans nara l-logħba minn perspettiva differenti.

Plejer tal-kalibru tiegħek, ġieli kkunsidra li jmur jilgħab barra minn Malta?

Meta kont żgħira iva, u kelli xi opportunitajiet qabel, imma issa m’għadnix nikkunsidra aktar.

X’tikkummenta fuq il-Malta Basketball Association mmexxija mill-president ferm ħabrieki, Paul Sultana?

Nista’ ngħid li l-kumitat kollu tal-Malta Basketball Association jaħdem qatigħ sabiex ittejjeb il-livell tal-basketball f’Malta kemm fil-court kif ukoll lil hinn minnu. Il-fatt li qed jintroduċu l-players barranin qed tagħmel il-logħba dejjem aktar intensa u interessanti. Kuntenta wkoll bit-titjib fl-infrastruttura fejn dejjem qed tisbieħ u ssir aħjar. Il-president Paul Sultana u s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat kontinwament qed jaħdmu biex jgħinuna ntejbu l-livell tal-basketball f’Malta.

X’tikkummenta fuq ir-riżorsi u l-court fil-Padiljun f’Ta Qali li fihom tilagħbu f’Malta speċjalment meta kkumparati ma’ dawk li tilagħbu fihom barra minn Malta mat-tim nazzjonali?

L-infrastruttura f’Malta hi xi ftit limitata minkejja li kif għedtlek qed naraw titjib. Nemmen li l-court il-ġdid f’Ta’ Qali kapaċi jħabbatha ma’ oħrajn barra minn xtutna. 

Il-media f’Malta tagħti biżżejjed pubbliċità lill-basketball?

Il-basketball huwa sport li ma tantx jiġi ppubbliċizzat, imma nħoss li tjieb ħafna matul is-snin, għax issa anke qed juru l-logħob live fuq TVM, il-media soċjali għenet ukoll, u wkoll aħna xxurtjati li hemm il-programm 3-pointer fuq l-istazzjon nazzjonali li juru l-logħob  kull ġimgħa. Xorta nemmen li hemm ħafna aktar xi jsir, u ninkoraġġixxi lil dawk li għadhom żgħar biex jissieħbu f’dan l-isport.

Taħseb li għad jiġi żmien f’Malta meta plejer tal-basketball f’Malta kemm fil-kamp maskili kif ukoll fil-kamp femminili jkun jista’ jgħix esklussivament permezz tal-basketball?

Illum f’din id-dinja li qed ngħixu fiha, ma naħsibx li kemm atleti rġiel jew nisa jistgħu jgħixu esklussivament mill-basketball. Il-ħajja għoliet u diffiċli li tkampa mill-basketball biss. Għalhekk għal dawn is-snin li ġejjin ma narax li dan jista’ jkun possibbli.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-basketball?

Ma tantx inħobb inħares fil-bogħod … inħobb nieħu l-ħajja ġurnata b’ġurnata. Li naf fiż-żgur hu li jekk nasal biex nitlaq bħala plejer żgur li niġi lura biex inkun parti mil-logħba taħt forma oħra.

Bħala plejer ta’ suċċess fil-basketball lokali u mhux biss għaddi messaġġ lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera fil-basketball.

Jien naħseb li trid issegwi lil qalbek, li tagħmel dak li tieħu gost tagħmel, u ma tħalli lil ħadd itellfek jew jgħidlek li mintx tajjeb biżżejjed. Hemm bżonn li taħdem u tikkonvinċi lilek innifsek li int kapaċi tasal, u li fl-aħħar mill-aħħar tkun kuntent b’dak li tagħmel għalik u mhux għal ħaddieħor. Jekk titfa’ moħħok hemm, kollox hu possibli!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport