Saturday, December 21, 2024

Dan l-istħarriġ ma jserraħ ras l-ebda partit

- Evarist Bartolo

Aqra wkoll

L-eks Ministru Laburista Evaristo Bartolo f’kumment lil IT-TORĊA dwar l-istħarriġ qal li “Dan is-survey jikkonferma li hemm tliet tipi ewlenin ta’ votanti: il-Laburist, in-Nazzjonalist, u grupp ieħor ta’ nies li għamlu pass lura mill-partiti ewlenin għal raġunijiet varji. Dan l-istħarriġ ma jserraħ ras l-ebda partit li se jirbaħ l-elezzjoni li suppost issir fl-2027.”

Qal li “l-Partit Laburista għad għandu l-opportunità li jdawwar ir-rotta. Imma se jdarrawha, jew tard wisq? Għax se l-elezzjoni jista’ jinħass biss l-uġigħ tal-bidla bħal meta tagħmel operazzjoni l-ewwel tweġġa’ u mbagħad tħossok aħjar. Huwa evidenti li l-pressjoni tal-ħaddiema minn barra pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed tinħass fuq l-infrastruttura tal-pajjiż, l-aktar fis-servizz tas-saħħa u tal-Mater Dei u tat-traffiku. Qed taffettwa b’mod ħażin il-ħajja ta’ kuljum tal-poplu Malti u Għawdxi kif muri fir-riżultat ta’ Ġunju u anke llum. In-nies imdejqin ukoll li qed jibqa’ tliela’ bini eżaġerat u qed ikomplu jintilfu l-ispazji li fadal u l-ftit ambjent naturali li baqagħlna, kemm fil-kampanja kif ukoll ħdejn il-baħar. Is-sondaġġ jikkonferma wkoll kemm il-Partit Nazzjonalista taħt Bernard Grech huwa dgħajjef u mhuwiex għażla għal dawn in-nies diżillużi bil-politika tal-gvern.”

Tenna li “d-deċiżjoni ta’ Bernard Grech dwar il-proġett ta’ Villa Rosa din il-ġimgħa kixfet l-istrateġija ta’ sieq ‘l hawn u sieq ‘lhemm fuq il-kostruzzjoni sfrenata. Grech iddiżappunta bil-kbir lil dawn il-votanti li ma riedux jafu bil-partiti, għax qatel kull tama’ li l-Partit Nazzjonalista jista’ qatt jirbaħ il-vot tagħhom.
Dawn in-nies moderati, li jiftakru sew il-korruzzjoni taħt in-Nazzjonalisti, jirraġunaw li allura l-Partit Nazzjonalista huwa biss kopja tal-Partit Laburista mingħajr il-garanzija tal-ġid ekonomiku.

Il-fatt li l-Partit Nazzjonalista essenzjalment m’għandux flus u jkollu jdur għall-għotjiet minn nies tal-flus jagħmlu vulnerabbli għal min irid jixtri s-silenzju tiegħu, u nemmen li hekk ġara. Dan falliment mhux biss ta’ partit, iżda tad-demokrazija f’pajjiżna għax aktar mill-votanti qed jaraw lill-partiti ewlenin fil-but tan-nies tal-flus. Kif qegħdin l-affarijiet bħalissa, iż-żewġ partiti ewlenin jinsabu taħt l-ilma, u se jirbaħ min jinżel inqas taħt l-ilma mill-ieħor. Li hu żgur hu li ż-żewġ mexxejja m’għandhomx l-appoġġ li wieħed jistenna li jkollhom, kemm fil-partiti tagħhom stess kif ukoll fost il-votanti in ġenerali. Sa mill-2022, Abela tilef 27% tal-appoġġ tal-votanti Laburisti, filwaqt li Bernard Grech tilef 40% tal-appoġġ tal-votanti Nazzjonalisti.

Filwaqt li l-Partit Laburista għandu l-appoġġ ta’ 48% tal-elettorat, il-Prim Ministru għandu biss 32% tal-appoġġ tal-istess elettorat. L-istess jgħodd għal Bernard Grech, fejn għandu biss 24% tal-appoġġ tal-elettorat mqabbel ma’ 44% tal-Partit Nazzjonalista. Abela u Grech ifakkruni fl-iskulturi tal-Ġermaniż Thomas Schutte jisimhom ‘Għedewwa Magħquda’ fejn jagħmel żewġt irġiel li huma ħafna kontra xulxin imma li marbutin flimkien bl-istess ħabel u d-destin tagħhom jiddependi minn xulxin.”

Ekonomija

Sport