Monday, December 9, 2024

“Dan l-unur ifisser ħafna għalija kemm fuq livell professjonali kif ukoll għall-karriera tiegħi’

Letizia Vella – Rebbieħa ta’ The Knife Award for Excellence

Aqra wkoll

Letizia Vella għadha kemm rebħet The Knife Award for Excellence fil-konkors prestiġjuż 2024 Best Chef Awards li sar f’Dubai.

Dan l-avveniment litteralment jiċċelebra l-aqwa fost l-aqwa tat-talenti kulinarji b’Chef Letizia li esprimiet permezz tat-tisjir il-passjoni, il-ħiliet u l-innovazzjoni li kapaċi tagħmel fil-kċina.

Madwar 300 kok minn madwar id-dinja issottomettew il-parteċipazzjoni tagħhom u Letizia kienet waħda minnhom. Hi kienet imdawra b’kokijiet ferm bravi li bis-saħħa tal-ikel, eliminaw kull tip ta’ barriera jew fruntiera li jista’ jkun hemm apparti li l-lingwa tal-ikel hi waħda ferm vasta.

Dan il-konkors ġab ukoll ċertu ammirazzjoni fost dawk dilettanti tal-ikel u sa ċertu unur għad-dedikazzjoni għall-gastronomija li qed issir dejjem iktar popolari. Fl-istess waqt, l-unur li rebħet Letizia Vella hu xhieda ta’ kemm il-lat kulinarju fil-gżejjer Maltin qed isir dejjem iktar popolari fejn qed jingħata ħafna importanza għad-dettall u d-dehra tal-platt.

Fl-istess waqt, Letizia, li għandha ristorant li jismu The Golden Fork, saret l-ewwel kok Maltija li rebħet dan l-unur. Fuq il-profil tagħha fuq Instagram, Letizia Vella qalet hekk:

“Ninsab onorata u grata li ġejt rikonoxxuta b’dan l-unur. Dan juri kemm l-ikel sar jittieħed bis-serjetà u kemm il-passjoni lejn il-lat kulinarju żdied ferm.”

Dan il-ġurnal tkellem ma’ Letizia Vella li tatna aktar dettalji dwar dan il-konkors u r-reazzjonijiet tagħha wara li rebħet dan l-unur.

“Ovvjament bħala kok ninsab onorata għal dan l-unur li rbaħt. Personalment ma kontx qed nistenna xejn speċjali u għalija kien diġa’ ta’ unur li kont parti minn dak l-ammont ta’ kokijiet kollha kemm huma bravi. Dan l-unur ifisser ħafna għalija kemm bħala livell professjonali kif ukoll għall-karriera tiegħi. Nixtieq inżid li dan il-premju mhux biss għalija imma għat-tim kollu ta’ The Golden Fork, sħabi, ġenituri u anke nies bħall-porter u cleaner … kull min tant għenni fil-karriera tiegħi.”

Staqsejna lil Letizia kif bdiet l-imħabba tagħha lejn il-kċina, it-tisjir u l-arti kulinarja.

“Fil-bidu ma kontx naħseb li nista’ nsir chef iżda nammetti li l-imħabba lejn l-ikel minn dejjem kienet hemm. L-ikel jgħaqqad il-familji u jinħolqu diskussjonijiet ħelwin waqt li n-nies ikunu qegħdin jieklu għax ħafna drabi jkunu f’ambjent rilassanti.”

“Mort fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi u bdejt nistudja fuq din l-arti tant sabiħa. Il-karriera tiegħi ħadet żvolta meta mort naħdem u nipprattika fil-belt kapitali Ingliża Londra. Kien punt importanti fil-karriera bikrija tiegħi. Bdejt ninduna li stajt nesprimi ruħi aħjar permezz tal-ikel filwaqt li nrawwem u nissustanzja dan it-talent li kelli.”

Letizia qaltilna li ż-żmien ta’ studju tagħha kien tmien snin ilu fejn f’Londra tgħallmet ħafna affarijiet. Malta kienet differenti f’dak iż-żmien u issa rat li r-ristoranti u l-ħwienet tal-ikel għamlu żvolta ‘l quddiem f’dan il-qasam. Hu veru li d-dixxiplina għadha nieqsa f’pajjiżna xi kultant iżda xorta waħda hemm passi kbar ‘il quddiem.

“L-Ingilterra l-kultura tal-ikel hi waħda partikolari iżda xejn ma jneħħi mill-mertu tal-kċina Mediterranja li hi waħda tajba, abbundanti u varjata.”

Staqsejniha jekk titħajjarx tmur tgħix u taħdem barra minn Malta. Hi qaltilna li l-bibien huma miftuħa u kollox jista’ jiġri. Illum hawn ħafna opportunitajiet mhux biss għaż-żgħażagħ iżda anke għal etajiet varji. Ovvjament bħalissa Letizia għandha dan il-ħanut tal-ikel li qed tmexxi u fil-preżent mhux daqstant faċli biex tagħmel din il-qabża.

Iżda biex riċetta tirnexxi bilfors irid ikun tajjeb il-kok jew inkella l-ikel?

“Ir-riċetta dejjem naraha bħala gwida li tgħinek sabiex int issajjar il-platt. Iva nemmen li jrid ikun il-kok li jagħmel riċetta tajba bl-ingredjenti li jkollu u kif jirnexxielu jħawwar platt. Fl-aħħar mill-aħħar li tkun kok nemmen li titwieled b’din in-namra u dak li jagħmlu idejk biex issajjar ikun qed isir bil-qalb. Dan kollu riċetta għas-suċċess u għalhekk li n-nies jiġu u jerġgħu jiġu għax ikunu ħadu pjaċir jieklu mill-platt li ppreparajt.”
Letizia Vella tatna iktar informazzjoni dwar l-esperjenza tagħha f’Masterchef Malta.

“Minn dejjem xtaqt nagħmel jew nipparteċipa f’dan il-programm. Meta kont ngħix Londra ma kont ħsibt fuqha iżda meta sirt naf li l-programm se jsir f’Malta għamilt il-qalb. Hemmhekk tiltaqa’ ma ħafna nies u tara talenti kbar. In-nies li jipparteċipaw ma jkunux professjonali iżda jsajru l-platt bil-qalb.

Kif qed tara l-futur tagħha Letizia Vella speċjalment minn hawn u għaxar snin oħra?

“Jien narani nibqa’ nsajjar għaxar snin oħra. Din hi xi ħaġa li nħobb nagħmel dejjem u se nibqa’ nagħmilha mhux biss għax biex tiekol trid issajjar iżda wkoll għax nikkunsidraha bħala arti. Jien min-naħa l-oħra dejjem se nibqa’ saqajja mal-art minkejja kull unur li rbaħt u nispera li għada jkun aħjar mil-lum.”

Hi ammettiet ukoll li għaliha m’hemmx vaganzi u festi pubbliċi, anzi jkun hemm żieda fl-attivita’ iżda hi ma taqtax qalbha għax ladarba li tkun tħobb ix-xogħol, kollox jiġi waħdu.

Finalment tlabna lil Letizia Vella, rebbieħa ta’ The Knife Award for Excellence fil-konkors prestiġġjuż 2024 Best Chef Awards li sar f’Dubai, sabiex tgħaddi l-aħħar messaġġ tagħha lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kċina.

“L-ewwelnett jien dejjem ngħid lin-nies biex ma jaqtgħu qalbhom qatt. Kollox jibda pass pass, ħadd ma jsir għaref mal-ewwel u trid ħafna prattika. Il-karriera ta’ kok tkun ġo fik kif għedtlek, titwieled biha u għalhekk int tkun tista’ issajjar lin-nies. Dan hu xogħol li jtik sodisfazzjon kbir u narah bħala xogħol sabiħ ħafna u li lili personali jtini identita’. Kuljum tara nies differenti u oħrajn klijenti fissi li tieħu pjaċir ssajrilhom u din il-ħaġa ma nibdilha ma’ xejn. L-ikel narah bħala industrija li ma tispiċċa qatt.

Ekonomija

Sport