Wednesday, November 20, 2024

“Dan mhuwiex każ iżolat… Għalhekk meħtieġa tingħata importanza operazzjoni bħal din”

Is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, ikkuntattjata minn dan il-ġurnal, faħħret l-azzjoni immedjata tad-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali biex jara li l-annimali jkollhom trattament xieraq u jkunu miżmuma kif suppost, hekk kif titlob il-liġi. 

Hija qaltilna li, “operazzjoni bħal din għandha tingħata l-importanza meħtieġa għax qiegħda tikxef il-problemi li l-Animal Welfare jħabbat wiċċu magħhom ta’ kuljum. Dan mhuwiex każ iżolat li annimali, bħal dawn il-klieb li ġew salvati llum, ma jkunux qegħdin jinżammu fi stat tajjeb. Irridu li aħna nkunu l-vuċi tal-annimali u nħarsu d-drittijiet tagħhom, kif għamilna f’dan il-każ fejn l-annimali ġew maħruġa mis-sit fejn kienu qegħdin miżmuma biex jirċievu l-kura meħtieġa”.

Sostniet li waħda mill-problemi li l-Animal Welfare jkollu jiffaċċja hija l-ispazju fejn iżomm l-annimali li jiġu salvati. “Aktar ma nirċievu rapporti ta’ annimali li qegħdin fi stat ħażin jew jiġru fit-toroq, aktar qiegħda tikber il-problema biex insibu allokazzjoni addattata għalihom, b’mod partikolari b’din ir-razza tal-pitbull li sfortunatament ftit jaddottaw jew jiġu aċċettati f’santwarji tal-annimali,” temmet tgħid is-Segretarju Parlamentari Alicia Bugeja Said.

Tajjeb li ngħidu li din hija operazzjoni immportanti oħra li d-Direttorat wettaq biex jiġu protetti l-annimali. Dan wara r-riforma li saret riċentament is-sena l-oħra ssaħħaħ kemm l-kapital uman u sussegwentement ukoll l-operat tad-Direttorat. Permezz ta’ emendi li saru fl-Att għat-Trattament Xieraq tal-Annimali fis-sena 2023, id-Direttorat għat-Trattament Xieraq tal-Annimali ngħata aktar poteri ta’ infurzar biex ikun jista’ jagħmel operazzjonijiet bħal dawn.

Sport